---
title: 'Il-Ħames Anniversarju: Retrospettiva'
url: 'https://ghargremxul.mt/mt/blog/five-year-anniversary'
markdown: 'https://ghargremxul.mt/mt/blog/five-year-anniversary.md'
lang: mt
date: '2025-08-10'
description: 'Illum il-ħames anniversarju minn mindu bdejt noħroġ logħob taħt l-isem Għar Gremxul! Xtaqt immur lur'
---

Illum il-ħames anniversarju minn mindu bdejt noħroġ logħob taħt l-isem *Għar Gremxul*!

Xtaqt immur lura lejn il-bidu ta' *Għar Gremxul* u nagħti ħarsa lejn il-logħob li għamilt, l-idea warajhom, u ftit mill-ħsibijiet li kelli beix fassalthom.

# Il-Bidu ta' Għar Gremxul

![Logo ta' Għar Gremxul](https://ghargremxul.mt/images/2/0/b/9/9/20b995434df3594d90b6b246bfce166a60122b03-ghar-gremxul-logo.png "Logo ta' Għar Gremxul")Logo ta' Għar Gremxul

*Għar Gremxul* huwa esplorazzjoni ta' folklor, leġġendi, u storja Maltija fil-logħob. Il-proġett huwa tiegħi, żviluppatur tal-logħob Malti, u bdejtu waqt il-pandemija tal-COVID fl-2020 fejn f'Awwissu ħriġt l-ewwel logħba tiegħi, *Rewwixta*. Peress li ilu 5 snin minn mindu ħarġet il-logħba, ħsibt li nista' nagħti ħarsa lura u niddeskrivi ftit il-bidu ta' *Għar Gremxul*, ir-raġunijiet u s-sorsi ta' ispirazzjoni li ġiegħluni nibda dan il-proġett, u l-logħob li ħarġu.

Waqt li l-ewwel logħba taħt l-isem *Għar Gremxul* dehret f'Awwissu 2020, fil-fatt kont bdejt naħseb ħafna qabel fuq it-taħlita ta' logħob u l-folklor, storja, u kultura Maltija. Sa mill-2017, kont diġà bdejt nitgħallem iżjed dwar il-folklor u leġġendi Maltin, nsajjar u nservi riċetti u deżerti Maltin, nixtri kotba miktubin bil-Malti jew dwar Malta, u niskopri kliem interessanti bil-Malti u nitgħallem iżjed dwar l-etimoloġija tagħhom. Wieħed mir-raġunijiet wara dan l-interess, u saħansitra sors ewlieni ta' ispirazzjoni għall-eżistenza ta' *Għar Gremxul*, huwa l-ktieb [*The Maltese Bestiary* ta' Stephan D. Mifsud](https://merlinpublishers.com/product/the-maltese-bestiary/), ippubblikat minn Merlin Publishers fl-2014. Il-ktieb jidħol f'ħafna dettal dwar diversi figuri mostrużi mill-mitoloġija, folklor, u leġġendi Maltin, u jqegħedhom f'kategoriji differenti.

![The Maltese Bestiary, ta' Stephan D. Mifsud](https://ghargremxul.mt/images/b/7/f/d/4/b7fd4f7bd7f4c14444156d3d76b74e312def60d6-maltese-bestiary.jpg "The Maltese Bestiary, ta' Stephan D. Mifsud")The Maltese Bestiary, ta' Stephan D. Mifsud

Fl-2019, bdejt inħares lejn il-possibiltà li noħloq logħba tal-mejda li sseħħ Malta. Hawnhekk, ikkunsidrajt li nuża ir-regoli tal-5es edizzjoni ta' *Dungeons & Dragons*; is-sistema kienet populari u kont nafha sew, u kien hemm bosta prodotti simili magħmulin minn nies oħra li kienu bbażati fil-folklor reġjonali tagħhom li donnhom intgħoġbu min-nies. Fl-April fl-2020 kont bdejt nikteb ħsibijieti dwar kif kont se nibda, kif ukoll tfassil preliminarju għal karattri u mostri. Iktar ma bdejt naħseb fuqha il-biċċa, iktar ma bdejt ninduna li għalkemm *Dungeons & Dragons* kien popolari, il-logħba kienet ispirata minn fantasija tal-Punent tas-70ijiet u kienet mibnija minn ġabra ta' arketipi u suppożizzjonijiet li qablux ma ridt nagħmel. Dan fisser li jew kelli niġġieled kontra d-disinn ta' *Dungeons & Dragons*, infittex logħba oħra biex nibni fuqha (li kapaċi setgħet kienet iktar adattata imma mhix daqshekk magħrufa), jew noħloq sett regoli uniċi għal-logħba, li jiena ħsibt li kienet biċċa xogħol kbira wisq għal persuna waħda. (Filfatt niftakar li kien hemm proġett simili ammont ta' snin ili jismu *Seħtet is-Swar* ta' Chucky Bartolo li deher fl-istess ħin u ukoll ried jirrapreżenta mostri Maltin fil-logħba *Dungeons & Dragons*, imma donnu l-proġett sparixxa.)

Għalkemm għandi *kemm kemm* esperjenza bħala disinjatur tal-logħob, primarjament studjajt bħala żviluppatur u programmatur tal-logħob. Peress li ma ħassejtx li kelli l-ħila nfassal sistema sħiħa wahdi għal logħba tal-mejda, u ma tantx kelli esperjenza b'sistemi oħra, iddeċidejt li nistenna ftit. Nixtieq nerġa' nipprova però, u jekk int interessat taħdem miegħi, ibgħatli messaġġ!

## Pilastri Ewlenin

Meta bdejt *Għar Gremxul*, fassalt xi pilastri ewlenin biex jiggwidawni jien u noħloq il-logħob.

### Logħob ibbażati fuq folklore, storja, u kultura Maltija

Il-gżejjer Maltin ma tantx jidru fil-logħob (kif diġitali kif ukoll analoġiċi), u meta jidhru, jintużaw biss bħala sfond għal storja kompletament differenti. Barra minn hekk, ħafna mil-logħba fuq Malta jew fejn tidher Malta magħmulin minn żviluppaturi li mhumiex Maltin. Peress li Malta għaddiet minn taħt ħafna poteri kolonjali differenti, xtaqt minflok inqiegħed il-poplu Malti fiċ-ċentru tal-logħob, flok sempliċiment parti mix-xenarju.

Il-populazzjoni ta' Malta jgħodd mal-500,000 persuna (mingħajr ma nżid il-Maltin li jgħixu barra minn Malta), allura naf li t-temi mhumiex eżattament kummerċjalment vijabbli. Hawn qabel miegħi żvillupatur Malti tal-logħob, li meta kellimtu dwar is-suġġett, qalli "Imma min se jkun interessat jilgħab logħba daqshekk speċifika?" Allavolja m'għedt xejn dak il-ħin, għadni niftakar sal-lum nieqaf u naħseb, "Jiena!"

Ovvjament, ma nistenniex li logħob fuq dawn is-suġġetti se jkunu kummerċjalment vijabbli, nifhimha. Tgħin ħafna kieku kien hekk, imma ninsab fortunat li Għar Gremxul m'hemmx għalfejn ikun suċċess fis-suq biex inkompli noħloq il-logħob, għax mhux xogħli ta' kuljum.

![Munzell kotba dwar folklor, storja, u kultura Maltija](https://ghargremxul.mt/images/b/e/3/a/3/be3a3dd9386a13078e84f8d12b7af10370212551-maltese-books.jpg "Munzell kotba dwar folklor, storja, u kultura Maltija")Munzell kotba dwar folklor, storja, u kultura Maltija

### Disponibbli biex tilgħab bil-Malti

Il-Malti mhux lingwa li għandha preżenza diġitali kbira ħafna. Dan minħabba l-popolazzjon żgħir tal-pajjiż, kif ukoll għax il-Maltin jitkellmu kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti. Dan ifisser li ħafna mill-materjal miktub li ssib fuq l-Internet magħmul mill-Maltin għall-Maltin wisq probabbli huwa bl-Ingliż, b'xi eċċezzjonijiet (bħal pereżempju l-Wikipedija, xi siti tal-aħbarijiet, xi poddatti u blogs). Sfortunatament, dan ifisser li l-[Malti huwa kkunsidrat bir-riskju li jsir "*diġitalment estint*"](https://timesofmalta.com/article/Maltese-is-at-risk-of-digital-extinction-.439074), peress li m'hemmx inċentiv tippubblika affarijiet fuq l-internet bil-Malti. Min-naħa tiegħi, biex nipprova nwaqqaf milli tiġri, u bħala forma ta' reklamazzjoni tal-lingwa, nipprova li kull logħba li noħloq teżisti kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti (allavolja minix traduttur professjonali). Inħossha importanti li jeżistu logħob li jistgħu jintlagħbu bil-Malti, speċjalment jekk għandhom x'jaqsmu ma' kultura lokali. Fil-verità, ma nistennix li n-nies qatt se jħarsu lejhom jew jilgħabu dawn il-logħob.

![Munzell kotba dwar il-lingwa Maltija](https://ghargremxul.mt/images/0/f/c/c/9/0fcc95f1ae5a53d6798ad53329220d6270deae39-maltese-language-books.jpg "Munzell kotba dwar il-lingwa Maltija")Munzell kotba dwar il-lingwa Maltija

### Għandhom biblijografija b'aktar qari

Dejjem għoġbitni l-idea tal-[Appendiċi N](https://en.wikipedia.org/wiki/Appendix_N) f'*Dungeons & Dragons* bħala mod kif issemmi xogħol li influwenza l-logħba b'xi mod. Barra minn hekk, kienet il-biblijografija fuq il-wara tal-ktieb *The Maltese Bestiary* ta' Stephan D. Mifsud li mbuttatni biex infittex dawk is-sorsi u nitgħallem iżjed dwar il-materjal li uża Mifsud. Bl-istess mod, xtaqt li naħseb b'mod akkademiku fuq il-logħob tiegħi u nżid lista ta' referenzi fuq wara biex min irid jista' jaqra iżjed dwar is-suġġett, qisek qed taqra xogħol akkademiku. Ħassejt ukoll li dawn ir-referenzi jservu biex jagħtu kreditu u juru liem awturi ffurmaw ħsibijieti u kkontribwew għal-logħba b'dak il-mod.

![Paġna referenzi minn The Maltese Bestiary ta' Stephan D. Mifsud](https://ghargremxul.mt/images/5/3/0/6/0/53060dc164de887d576a9318c0f5f48294699dc0-maltese-bestiary-references.jpg "Paġna referenzi minn The Maltese Bestiary ta' Stephan D. Mifsud")Paġna referenzi minn The Maltese Bestiary ta' Stephan D. Mifsud

### Jagħtu kreditu għal kull stampa li tintuża

Mill-bidu kont naf li ma kontx naf inpinġi u ma stajtx nżid l-istampi tiegħi fil-logħob li nkun għamilt. Madankollu, ħsibt li stajt ngħaddi billi nuża arti maħruġ fid-dominju pubbliku, speċjalment jekk stajt nuża arti Malti jew art minn sorsi relatati ma' Malta li kienu fid-dominju pubbliku. Ittamajt li xi darba stajt inħallas lil xi ħadd biex ipinġili xi ħaġa, imma l-ewwel ridt nara jekk kienx hemm interess fil-logħob li ridt nagħmel. Dejjem dejjqitni l-ħaġa fejn tintuża stampa mid-dominju pubbliku mingħajr ma jintqal minn fejn ġiet l-istampa, u ħlift li kull logħba li noħroġ kien se jkollha l-kreditu kif suppost għal kull stampa li nuża.

![Tal-Ħalib, ta' Edward Caruana Dingli](https://ghargremxul.mt/images/c/2/5/7/3/c25730a814b77ba434404eea3f8e24759f851649-milkman-caruana-dingli.jpg "Tal-Ħalib, ta' Edward Caruana Dingli")Tal-Ħalib, ta' Edward Caruana Dingli

## Minn Fejn Ġej l-Isem

Kont naf li ridt nippubblika logħob taħt isem Malti, imma ma kontx ċert jekk ridtx nuża [ittri speċifi għall-Malti](https://en.wikipedia.org/wiki/Maltese_alphabet) fl-isem, għax ħsibt li se nħawwad kull min mhuwiex Malti (li stennejt li kien se jkun il-maġġoranza tal-udjenza). Fl-aħħar, iddeċidejt li nuża ittri Maltin, u fejn stajt, żidt gwida ta' pronunzja bl-[Alfabett Fonetiku Internazzjonali](https://en.wikipedia.org/wiki/International_Phonetic_Alphabet) biex tkun iktar faċli biex tingħad.

Domt mhux ħażin nikkonfondi fuq l-isem qabel ma fl-aħħar ideċidejt li nissemma *Għar Gremxul*. Ħadt ispirazzjoni mil-leġġenda Maltija li tgħid li l-[gremxul fuq Filfla għandhom żewġ dnub](https://www.guidememalta.com/en/filfla-s-legendary-resident-does-the-two-tailed-lizard-actually-exist). Kien hemm ismijiet oħra li kkunsidrajt, imma l-ebda wieħed minnhom ma nħass sew jingħad.

Minħabba l-preferenza tiegħi li nippubblika logħob b'mod anonimu taħt l-isem *Għar Gremxul*, hemm min jaħseb li dak huwa ismi, imma dan mhux minnu! Fil-verità, m'hemm l-ebda raġuni li nibqa' anonimu ħlief li nixtieq li x-xogħol jitkellem għalih innifsu. Ċert li xi darba nixkef x'inhu ismi meta l-ħin ikun adattat.

![Podarcis filfolensis ssp. filfolensis. Ritratt meħud minn Arnold Sciberras](https://ghargremxul.mt/images/6/b/9/7/c/6b97c8bfc4993776e6039db3b09cc745c5bb7927-filfla-lizard.jpg "Podarcis filfolensis ssp. filfolensis. Ritratt meħud minn Arnold Sciberras")Podarcis filfolensis ssp. filfolensis. Ritratt meħud minn Arnold Sciberras

# L-Istorja ta' Għar Gremxul

Qattajt ħafna żmien fuq Twitter nosserva t-taħdidiet relatati mal-logħob tal-mejda biex nitgħallem iżjed dwar il-punti ta' diskussjoni li l-komunità ħasset li kienu importanti, liem logħob u sistemi għandi nilgħab u nistudja, kif ukoll titgħallem iżjed dwar id-disinn grafiku u t-tqassim ta' informazzjoni fuq paġna. Kien hemm bosta nies li influwenzawni u xogħli, bħal Nova magħrufa ukoll bħala [Idle Cartulary](https://msha.ke/idlecartulary), [Bee Scerri](https://redworldpress.itch.io/), [Pam Punzalan](https://thedovetailor.carrd.co), u [Emily Pennyway](https://girlnewsie.itch.io/), fost ħafna oħrajn. Sfortunament, minn mindu miet Twitter, din il-komunità infirxet u qed terġa' tifforma bil-mod fuq Bluesky.

Li nsegwi t-taħdidiet tal-komunità eventwalment wassalni għall-game jams fuq itch.io fejn in-nies kienu imħeġġa biex joħolqu logħob tal-mejda, u peress li konna f'nofs il-pandemija tal-COVID-19, iddeċidejt li nipprova jien ukoll!

### Rewwixta

![Rewwixta](https://ghargremxul.mt/images/c/b/a/0/7/cba07f841cdfd4a7b59c408707dbaaa3a97ca89f-rewwixta.jpg "Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Rewwixta")Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Rewwixta

[ *Rewwixta*](https://ghargremxul.mt/games/rewwixta) hija lgħajba fejn jintqalu stejjer ta' assedji, ribelljonijiet, u rewwixti kontra setgħat kolonjali. Il-logħba ħarġet fl-10 t'Awwissu, 2020, u hija l-ewwel logħba tal-mejda li ħarġet taħt l-isem Għar Gremxul. Inħalqet għall-game jam [Unearthed Expansions](https://itch.io/jam/unearthed-expansions) organizzat minn [Aaron Lim 林家丰](https://ehronlime.itch.io/).

Peress li t-tema tal-game jam kienet “ħu logħba li ma teżistix bħala logħba tal-mejda, u dawwarha f'waħda”, għażilt li nieħu logħob folkloristika. Hawn, għażilt il-*brilli*, logħba folkloristika bowling li llum tintlagħab biss fi ftit rħula f'Għawdex.

Ma kontx iltqajt ma' logħba bowling bid-dammi qabel, u ħsibt li setgħet kienet idea interessanti. Minħabba li l-brilli fil-logħba għandhom ismijiet, ħsibt li stajt ndawwar kif tintlagħab il-logħba f'messaġġ anti-kolonjali ta' ribelljoni, fejn li twaqqa' l-brilli tiddetermina jekk ir-rewwixta tirnexxi jew le.

Peress li Malta għandi diversi stejjer ta' ribelljoni fl-istorja tagħha, ma ridtx nagħżel ribelljoni partikolari, u għażilt minfolk li nagħmel referenza għal ftit minnhom fl-għażliet. Dan ifisser li t-tema tal-logħba setgħet tinbidel għal rewwixti oħra madwar id-dinja.

Allavolja ma tantx kelli idea ta' x'jien nagħmel għall-ewwel darba tiegħi noħloq logħba tal-mejda, xorta sodisfatt ħafna bir-riżultat!

### Is-Saflenin

![Is-Saflenin](https://ghargremxul.mt/images/a/4/2/3/9/a42399cf9e69eeac230749be08c91a38bc6d0cfa-is-saflenin.jpg "Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Is-Saflenin")Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Is-Saflenin

[ *Is-Saflenin*](https://ghargremxul.mt/games/is-saflenin) hija lgħajba u avventura f'dinja taħt l-art. Il-logħba ħarġet fit-30 ta' Awwissu 2020, u nħalqet għall-[Folklore Jam 2020](https://itch.io/jam/folklorejam2020) organizzat minn [W. H. Arthur](https://aryl-ether.itch.io/), [Lari Assmuth](https://lari-assmuth.itch.io/), [Jessica Marcrum](https://unseeliejess.itch.io/), u [Litza Bronwyn](https://litzabronwyn.itch.io/).

Dan il-game jam kien għażla ovvja għalija, peress li fejn nista', diġà nipprova nintegra l-folklor Malti fil-logħob li noħloq! (Imma ngħidlek il-verità, għadni ma rnexxilix nipparteċipa fi Folklore Jam ieħor...) Issa il-mistoqsija kienet, fuqiex kienet se tkun il-logħba?

Dejjem interessajt ruħi fil-[leġġenda urbana](https://www.reddit.com/r/UnresolvedMysteries/comments/2p6cw9/the_subterranean_giants_of_malta/) li tgħid li razza ta' ġganti tgħix fil-fond taħt l-art f'għar aċċessibbli biss mit-tempju ta' Ħal-Saflieni. Jien u nagħmel ir-riċerka, iltqajt ukoll ma' ħafna ħrejjef Maltin li ukoll kellhom x'jaqsmu mad-dinja ta' taħt l-art, u kollha inkorporajthom b'xi mod jew ieħor fil-logħba. Biex nidħol iktar fil-burdata jien u naħdem fuqha, smajt ħafna il-mużika ta' [Paleowolf](https://paleowolf.bandcamp.com/).

Minħabba li xorta ħassejt li ma kellix idea x'jien nagħmel bħala tfassil tal-logħba, bqajt bl-idea ta' logħba fejn tilgħab waħdek u tiġġenera storja. Madankollu, din id-darba, speċifikament ridt li l-logħba tkun diffiċli, imma mhux neċessarjament li qatt ma tista' tirbaħ. Peress li għandi sfond professjonali ta' żvillupatur ta' software, iddeċidejt li nikteb xi code u noħloq simulazzjoni tal-logħob biex b'hekk inkun nista' nara jekk is-sistemi li kelli f'moħħi setgħu jipprovdu l-esperjenza tal-logħba li ridt jien. Wara ħafna provi, eventwalment sibt konfigurazzjoni li għoġobni.

### Ir-Raxx tal-Baħar

![Ir-Raxx tal-Baħar](https://ghargremxul.mt/images/2/7/2/f/d/272fdbda8af01dd7e2ef00ab39731902e4ce08df-ir-raxx-tal-bahar.jpg "Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Ir-Raxx tal-Baħar")Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Ir-Raxx tal-Baħar

[ *Ir-Raxx tal-Baħar*](https://ghargremxul.mt/games/ir-raxx-tal-bahar) hija lgħajba lirika li tirrakkonta esperjenzi tat-trobbija tiegħi ħdejn il-baħar f'Malta. Il-logħba ħarġet fit-13 ta' Settembru 2020, u nħolqot għall-game jam [d66 Game Design Tracks](https://itch.io/jam/d66-game-design-tracks-jam) organizzat minn [Idle Cartulary](https://idlecartulary.itch.io/).

Kont ili nsegwi lil Idle Cartulary fuq Twitter u intrigajt ruħi bl-idea ta' logħob liriċi. Meta tħabbar il-game jam, ġietni f'moħħi li din kienet l-aħjar opportunità biex nipprova noġloq logħba lirika. Wara t-twaddib ta' dammi, spiċċajt bid-diska [The Big Ship ta' Brian Eno](https://www.youtube.com/watch?v=2Tqy6be0Juc) (li qatt ma kont smajt qabel). Ħassejt li kienet tinħass ħosbiena, u b'hekk ridt noħloq logħba ftit iżjed personali.

Hawnhekk iddeċidejt li l-logħba tiffoka fuq ġurnata sajfija minn tfuliti, u ktibt ħafna għażliet biex ikun hemm xi forma ta' varjazzjoni int u tilgħab. Dawn l-għażliet ħadthom minn affarijiet li ġraw lili stess jien u nikber.

### Saġġara

![Saġġara](https://ghargremxul.mt/images/9/f/5/f/b/9f5fb03f9c7e0bb7e322634cdaf1ca1ec2d8875a-saara.jpg "Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Saġġara")Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Saġġara

[ *Saġġara*](https://ghargremxul.mt/games/saggara) hija lgħajba lirika dwar is-siġar f'Malta u l-qerda tagħhom. Il-logħba ħarġet fil-15 ta' Novembru 2020, u kienet l-ewwel logħba li m'għamlitx parti minn game jam fuq itch.io.

Għalkemm kont diġà ikkwotajt siltiet minn poeżiji għal-logħob tiegħi (partikolarment f'Rewwixta fejn żidt żewġ versi mill-poeżija *Jum ir-Rebħ* ta' [Rużar Briffa](https://timesofmalta.com/article/biography-ruzar-briffa.1077390)), Saġġara kienet l-ewwel logħba inspirata kompletament minn poeżija; f'dan il-każ, *Iż-Żabra* ta' [Victor Fenech](https://timesofmalta.com/article/victor-fenech-poet-adventurer.706082).

Din kienet l-ewwel logħba fejn ħassejt il-ħtieġa li nżid taqsima b'aktar qari. L-idea ħadtha mill-fatt li l-qerda tas-siġar tissemma ta' spiss fl-aħbarijiet lokali, u żidt ħoloq għal dawn l-artikli.

## Avvenimenti Oħrajn ta' Importanza

Kien hemm żewġ avvenimenti oħra li jispikkawli daqshekk kmieni fil-bidu ta' *Għar Gremxul*. L-ewwel avveniment kien il-konferenza [Session Zero Online](https://www.youtube.com/watch?v=jjfxsX1DdYw&list=PLVleYeRKEckpIfiawXKwEGNMV0jFSVrMS), organizzat fit-30 ta' Jannar 2021 mill-grupp [Gamers and GMs Philippines](https://www.facebook.com/GnGMeets/) fuq il-pjattaforma diġitali [Gather](https://www.gather.town/). Għalkemm kienet diffiċli biex nattendi uħud mis-serati minħabba d-differenza fil-ħin, xorta waħda ħadt gost niltaqa' man-nies u nitkellem fuq il-logħob tal-mejda ma' disinjaturi oħra.

L-avventiment ieħor li spikka kien artiklu fuq is-sit Dicebreaker miktub minn [Lin Codega](https://lincodega.com/), li kien jismu [“Old stories, new forms: Rewriting folklore as RPGs brings fresh perspectives and cultures to the table”](https://www.dicebreaker.com/categories/roleplaying-game/feature/folklore-rpgs-fresh-perspectives-cultures) ippubblikat fis-6 ta' Ottubru 2021. Codega ikkuntattjawni fis-sajf biex isaqsu jekk kontx interessat inkun parti minn artiklu fuq l-użu ta' folklor lokali fil-logħob tal-mejda. Aċċettajt bil-ħerqa, u onestament, kont onorat li kkunsidrawni biex inkun parti mill-artiklu fost disinjaturi u awtur magħrufin!

## Mument ta' Skiet

Bdejt nara ħafna ġabriet ta' logħob tal-mejda organizzati fuq siti tal-midja soċjali għal diversi kawżi soċjali, u ħsibt li stajt nieħu sehem bil-logħba *Rewwixta*. L-ewwel ġabra li ħadt sehem fiha hija l-[Croatian Earthquake Relief](https://itch.io/b/774/croatian-earthquake-relief) organizzata minn Filip minn [Ordoalea Publishing](https://ordoalea-publishing.itch.io/) li temmet fit-22 ta' Frar 2021, imma kelli sehem f'ġabriet ikbar bħall-[Indie Bundle for Palestinian Aid](https://itch.io/b/902/indie-bundle-for-palestinian-aid) organizzata minn [Alanna Linayre](https://tybawai.itch.io/) li temmet fit-12 ta' Ġunju 2021 u l-[Bundle for Ukraine](https://itch.io/b/1316/bundle-for-ukraine) organizzata minn [Necrosoft Games](https://necrosoftgames.itch.io/) li temmet fit-18 ta' Marzu 2022.

Bħal dan iż-żmien bdejt insir iżjed inċert minni nnifsi u dak li kont qed nagħmel. Bdejt nistaqsi il-għala kont qed noħloq dawn il-logħob. Ħadd online ma deher interessat, u xi kultant ħassejtni qed noħloq il-logħob u nitlaqhom il-baħar. Ma ħassejtnix komdu nitkellem fuq il-logħob għax ma deherlix li kienu t'interess għal udjenza ġenerali, u lanqas ma ridt nħambaq fuq l-internet u nagħmel promozzjoni personali. Dan fisser li ma sibtx interess lejn xogħli. Bdejt nakkumula ħafna ideat għa logħob, imma imbagħad niltaqhom nofs triq għax bdejt niddubita gġal darba tnejn lili nnifsi, l-kapaċità tad-disinjar tiegħi, l-ħila li noħloq xi ħaġa interessanti, u jekk verament kienx hemm xi ħadd interessat fil-logħob.

Għalkemm kont insegwi d-diskussjonijiet bejn disinjaturi oħra ta' logħob tal-mejda fuq il-midja soċjali u tgħallimt ħafna, rari kienet li kont nieħu sehem fil-konversazzjoni. Dan għaliex kont konxju li ma tantx kelli esperjenza f'logħob oħra tal-mejda, kif ukoll ma ħassejtx li kont disinjatur tal-logħob b'esperjenza biżżejjed biex nagħti sehmi. Eventwalment, meta Twitter spiċċa u l-komunità sfaxxat għal pjattaformi differenti, sibtha diffiċli biex insegwi il-ħafna diskussjonijiet li komplew isiru fuq kull pjattaforma.

Wara ftit żmien, erġajt sibt il-motivazzjoni biex nerġa' noħloq il-logħob wara li wasalt sal-konkluzjoni li kien irrelevanti jekk kienx hemm interess fil-logħob. Bdejt noħloq il-logħob għax fl-aħħar mill-aħħar jiena stess ridthom jeżistu u kelli interess li nilgħabhom.

Eventwalment, id-disinjaturi ta' logħob tal-mejda bdew jitfaċċaw fuq Bluesky, u bdew jidhru ukoll komunitajiet fuq Discord fejn stajt nidħol u nitgħallem mill-oħrajn bil-kwiet. B'hekk, erġajt sibt il-motivazzjoni u l-enerġija biex inkompli noħloq il-logħob!

## Nerġa' Nsib l-Ispirazzjoni

### Ara Ġejja l-Mewt Għalik

![Ara Ġejja l-Mewt Għalik](https://ghargremxul.mt/images/8/d/4/f/7/8d4f7189dcfbe3e5cef864ae62c8c3f341b4d6ed-ara-gejja-l-mewt-ghalik.jpg "Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Ara Ġejja l-Mewt Għalik")Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Ara Ġejja l-Mewt Għalik

[ *Ara Ġejja l-Mewt Għalik*](https://ghargremxul.mt/games/ara-gejja-l-mewt-ghalik) hija lgħajba dwar il-mewt u n-natura inevitabbli tagħha, u hija l-ewwel logħba bħala *Għar Gremxul* fejn iktar minn persuna waħda tista' tilgħab. Il-logħba ħarġet fl-10 ta' Novembru 2023, u nħolqot għall-[AFTERWORDS: The Death Jam](https://itch.io/jam/afterwords-the-death-jam) organizzat minn [Marx Shepherd](https://marx-of-high-water.itch.io/) u l-kooperattiva [Far Horizons](https://far-horizons-co-op.itch.io/).

Peress li t-tema tal-game jam kien il-mewt, mal-ewwel ħsibt fil-logħba folkloristika tat-tfal magħrufa bħala “Ara Ġejja l-Mewt Għalik”. Ridt ukoll nuża' lil Ċensa l-Mewt, figura femminili tal-mewt mill-folklor Malti. Żidt xi elementi narrativi lil-logħba billi ħallejt lil min qed jilgħab jagħżel rwol u jagħżel kif ikkawżaw mewt ħaddieħor bl-azzjonijiet tagħhom. Kull karattru li kien għad fadal fil-logħba seta' jmut bil-kwiet.

### Għosfor

![Għosfor](https://ghargremxul.mt/images/5/1/c/c/e/51cce97615411dd70e6030dd9ddba6c5c59a4266-ghosfor.jpg "Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Għosfor")Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Għosfor

[ *Għosfor*](https://ghargremxul.mt/games/ghosfor) hija lgħajba lirika dwar l-għasafar, il-kaċċa, u t-tifkira tal-mejtin. Il-logħba ħarġet fl-24 ta' Lulju 2024, u inħalqet għall-game jam [Say hi to a bird jam](https://itch.io/jam/say-hi-to-a-bird-jam) organizzat [Logan Timmins](https://breathingstories.itch.io/).

Għall-ewwel, bdejt naħseb għandix nieħu ispirazzjoni mill-għasafar li jidhru fil-folklor Malti, imma iktar ma ħsibt fuqha, iktar ma ridt nirrappreżenta l-kaċċa f'Malta. Biex għamilt dan, għamiltha li min qed jilgħab jiskopri għasfur qed imut, u biex ifakkarhom, joħloq santa. Għażilt ukoll li nipprovdi lista ta' għasafar li sparaw fuqha (kemm legalment kif ukoll illegalment) b'referenzi għal kull għasfur.

### Ibħra Qawwija

![Ibħra Qawwija](https://ghargremxul.mt/images/1/4/4/9/0/14490c5eae807f862bd3a813c56d11ce232d2806-ibhraqawwija.jpg "Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Ibħra Qawwija")Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Ibħra Qawwija

[ *Ibħra Qawwija*](https://ghargremxul.mt/games/ibhra-qawwija) hija logħba ta' rwoli kooperattiva fejn tipprova tevita traġedja fuq il-baħar f’diversi sitwazzjonijiet differenti. Il-logħba ħarġet fit-30 ta' Novembru 2024, u nħalqet għall-[Deep Water Jam](https://itch.io/jam/deep-water-jam) organizzat minn [Sinta Posadas](https://diwatamnl.itch.io/).

Din il-logħba kapaċi l-akbar waħda li ħloqt bħala Għar Gremxul, u rnexxieli ninkorpora tema li kont ili nipprova ndaħħal f'xogħli; ir-relazzjoni bejn il-Maltin u l-baħar. Kont qrajt il-ktieb [*Il-Baħar Rasu Iebsa* ta' Lino Psaila](https://www.independent.com.mt/articles/2023-07-02/newspaper-lifestyleculture/Book-review-The-unequal-battle-6736253022), ktieb li jitkellem u jiddiskrivi diversi traġedji u mwiet il-baħar ta' sajjieda Maltin fl-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20. Kont ili nipprova noħloq logħba ispirata mill-ktieb mingħajr suċċess ta' xejn, u ninsab sodisfatt ħafna bir-riżultat.

Bl-istess mod ta' *Is-Saflenin*, ridt li għalkemm kellek aġenzija fil-logħba, wisq probabbli x-xorti kienet se tkun kontrik. Biex nagħmel hekk, żidt rwoli differenti li min jilgħab seta' jagħżel, u ktibt programm b'C# biex nissimula 100000 logħba biex inkun ċert li r-rwoli jaħdmu sew flimkien u li s-sistemi tal-logħba wasslu l-emozzjoni li kont qed infittex.

Dan il-proġett kien stramb għax kien għadu kif kelli tifel, imma xorta waħda ridt nipparteċipa fil-game jam. B'hekk, spiċċajt naħdem fuq il-logħba bejn l-4 u s-6 ta' filgħodu qabel ma qabel kulħadd, kif ukoll jien u sejher ix-xogħol meta kelli l-enerġija.

### Kewkba Wikkiela

![Kewkba Wikkiela](https://ghargremxul.mt/images/3/2/a/b/6/32ab65bb52d4afab6e88b5b83e401213968974df-kewkbawikkiela.png "Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Kewkba Wikkiela")Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Kewkba Wikkiela

[ *Kewkba Wikkiela (The Star That Hungers)*](https://ghargremxul.mt/games/kewkba-wikkiela) hija avventura Maltija ta’ stil orrur kożmiku għal-livelli baxxi, għal kwalunkwe sistema OSR. Il-logħba ħarġet fil-31 ta' Lulju 2025, u nħalqet għall-[Appx. N Jam](https://itch.io/jam/appx-n-jam) organizzat minn [Dank Dungeons](https://dank-dungeons.itch.io) u [jorphdan](https://jorphdan.itch.io).

Għal dan il-game jam, kull parteċipant intbagħat isem ta' ktieb li ma jeżistix fi stil avventura pulp, fejn dan il-ktieb seta' kien parti mill-[Appendiċi N](https://en.wikipedia.org/wiki/Appendix_N). B'hekk, kelli noħloq avventura fuq erba' paġni A5 mill-isem li tawni, li f'dan il-każ kien *The Star That Hungers*. Biex inkun onest, batejt naqra, għax ridt insib mod kif indaħħal l-istilel fuq tema Maltija li ssoltu dejjem nagħti lil-logħob li noħloq. Batejt ukoll għax it-titlu kien bl-Ingliż, u dejjem nagħti titli bil-Malti lil-logħob, imma b'xorti tajba inzertajt ktieb bil-Malti mhux daqstant magħruf ħafna li jismu *Kewkba Wikkiela* ta' Ġużè Grioli. Dan il-ktieb ta' stil orrur kożmiku, u ismu kien ftit jew wisq traduzzjoni tat-titlu li tawni. Li kieku ma sibtux dan il-ktieb, kont qed nikkunsidra nikteb avventura Spelljammer. Ambjentajt l-avventura f'post ispirat ħafna mir-[Razzett tax-Xjaten](https://en.wikipedia.org/wiki/The_Devil's_Farmhouse) il-Mellieħa, Malta u l-ħafna leġġendi li jagħmlu miegħu.

Dan kien l-ewwel proġett li ħdimt fuqu li kien żieda ta' logħba li diġà teżisti minflok ħloqt logħba kompletament ġdida. F'dan il-każ, ma kontx familjari ħafna bl-stil OSR fil-logħob ta' rwoli, allura tgħallimt ftit fuq id-differenzi li kien hemm, speċjalment meta tqabbel ma' logħob li kont iżjed familjari magħhom. Għażilt li noħloq xi ħaġa li taħdem ma' kull sistema, imma li tieħu ħafna minn AD&D (peress li kelli kopji ta' dawk il-kotba).

Domt mhux ħażin nipprova nifhem eżattament kif kont se nibni kalzru għall-avventura. Fejn stajt, ridt inqassam il-kalzru bħal razzett Malti ta' vera, imma bdejt ninkwieta li ma kont se nsib xi ħaġa li taħdem fil-ħin li kelli. Wara li qallibt diversi pjanti ta' rziezet Malti, mort lura għall-idea oriġinali li kelli li nuża r-Razzett tax-Xjaten (li fil-verità oriġinalment kien skola tal-irkib taż-żwiemel), fassalt pjanta fuq filmat li rajt ta' esploratur tal-postijiet mitluqin, u ħaddimtha biex toqgħod bħala razzett.

Bl-istess mod bħal-logħba l-oħra *Ibħra Qawwija*, daż-żmien kont fuq leave qed nieħu ħsieb it-tifel. Dan ifisser li stajt naħdem biss fuq *Kewkba Wikkiela* fil-ħin qasir li kelli meta raqad.

# Inħares 'il Quddiem

Allavolja ninsab sodisfatt ħafna b'xogħli, dejjem nista' nitjieb!

L-ewwel nett, id-disinn grafiku tal-logħob huwa bażiku ħafna, u ċert li minħabba f'hekk il-logħob jinħassu iżjed inqas professjonali, speċjalment meta tqabbel ma' logħob oħra li rajt li jidru ħafna aħjar. Għalkemm għandi idea żgħir ta' *Affinity Publisher 2*, jekk nitgħallem aħjar l-għodda li nuża, kapaċi jkolli logħob li jidhru ħafna aħjar. Nixtieq ukoll noffri iktar karatteristiċi ta' aċċessibbiltà għal-logħob, bħal pereżempju tfassil aħjar biex tipprintja jew għall-mobiles, test alternattiv għall-istampi, u forsi anke tfassil bil-kliem biss jew format awdjo.

Waqt li qattajt ħafna ħin nesplora tipi differenti ta' logħob, forsi kien ikun aħjar jekk niffoka fuq stil partikolari minflok nipprova nagħmel kollox. Mill-banda l-oħra, hemm stili ta' logħob li qas biss ippruvajt, bħal pereżempju logħob li jużaw ħafna sistemi.

Naħseb ikun aħjar jekk nitjieb fil-promozzjoni tal-logħob biex aktar nies isiru jafu bihom. Issoltu, naħdem fuq il-logħob, ntellagħhom fuq itch.io, nikteb post fuq il-midja soċjali għal min isegwini, u dak kollox. Dan ifisser li n-nies ma tantx jafu bija u bil-logħob tiegħi. Pereżempju, qatt m'użajt il-funzjonalità tad-devlog fuq itch.io biex navża lil min isegwini hemmhekk li ħriġt logħob ġodda. Hemm bosta affarijiet oħra li nista' nagħmel biex nitjieb fil-qasam tal-promozzjonar, għandi bżonn biss nipprova metodu u nara jekk jaħdimx għalija.

Għalkemm it-traduzzjonijiet bil-Malti huma tajbin biżżejjed, nixtieq ħafna kieku jarahom traduttur professjonali jew qarrej tal-provi biex jaraw li l-lingwa tagħmel sens u li hu eżatt kemm jista' jkun!

Hemm ħafna affarijiet ġodda li kieku nixtieq nagħmel bħala *Għar Gremxul* jekk jirnexxieli! Nixtieq naħdem fuq proġett flimkien ma' disinjaturi oħra, u nixtieq ukoll naħdem ma' artisti u disinjaturi tat-tfassil! Għandi wkoll ħafna ideat għal proġetti li nixtieq naħdem fuqhom, kemm kbar kif ukoll żgħar, u nixtieq naħdem fuq logħba diġitali xi darba! Nixtieq ukoll naħdem fuq ktieb fiżikali, bħal pereżempju faxxiklu, ġabra ta' logħob liriċi, antoloġija ta' logħob, jew forsi logħba kbira.

Fl-aħħar nett, allavolja logħba setgħet tniżżlet ħafna, ma jfissirx li l-logħba popolari (jew li hi logħba tajba!) *Rewwixta* tinsab b'ħafna ġabriet ta' logħob tal-mejda indipendenti, u tniżżlet fuq l-eluf darba, imma dik mhix garanzija li n-nies qed jilagħbuha! (U dan nafu għax il-verżjoni tal-logħba bil-Malti tniżżlet ħafna aktar milli stennejt li se jkollha)

# Konklużjoni

![Statistiċi minn Itch.io Statistics wara 5 Snin](https://ghargremxul.mt/images/7/f/3/7/d/7f37dce1d6f3a542929896fbf8a265b63314add4-itch-five-year-stats.png "Statistiċi minn Itch.io Statistics wara 5 Snin]")Statistiċi minn Itch.io Statistics wara 5 Snin\]

Nispera li din ir-retrospettiva fuq dawn l-aħħar 5 snin li ilni nagħmel logħob bħala *Għar Gremxul* kienet interessanti! Grazzi ħafna lil kull min niżżel u lagħab il-logħob li għamilt, u nispera li tibqgħu ssegwuni.

---

## Navigation

- Parent: [Blog](https://ghargremxul.mt/mt/blog.md)
- Previous: [Appendiċi N Personali](https://ghargremxul.mt/mt/blog/personal-appendix-n.md)
