---
title: "X'Għandi fuq l-Ixkafef tal-Kotba?"
url: 'https://ghargremxul.mt/mt/blog/whats-on-my-shelves'
markdown: 'https://ghargremxul.mt/mt/blog/whats-on-my-shelves.md'
lang: mt
date: '2026-09-27'
description: "Din il-bloggata tkompli ma' li ktibt fuq Shelfie. Jekk trid tagħti ħarsa iżjed mill-qrib lejn il-kollezzjoni tiegħi ta' logħob tal-mejda, ibda minn hemm! Hawnhekk, se nitkellem dwar il-bqija tal-kotba li għandi fil-kollezzjoni. Ritratt tal-kollezzjoni ta' kotba li għandi bħalissa Kif tiddiskrivi l-kollezzjoni tiegħek? Il-maġġoranza tal-kotba li għandi jitqiesu bħala Melite"
---

# [X'Għandi fuq l-Ixkafef tal-Kotba?](https://ghargremxul.mt/mt/blog/whats-on-my-shelves)

   27th Sep 2026  

Din il-bloggata tkompli ma' [li ktibt fuq Shelfie](https://www.shelfie.email/p/003-ghar-gremxul). Jekk trid tagħti ħarsa iżjed mill-qrib lejn il-kollezzjoni tiegħi ta' logħob tal-mejda, ibda minn hemm! Hawnhekk, se nitkellem dwar il-bqija tal-kotba li għandi fil-kollezzjoni.

![Ritratt tal-kollezzjoni ta' kotba li għandi bħalissa](https://ghargremxul.mt/images/c/9/0/1/c/c901cf75659d6895c97992109f1cdc4ceda473e6-complete-bookshelves.jpg "Ritratt tal-kollezzjoni ta' kotba li għandi bħalissa")Ritratt tal-kollezzjoni ta' kotba li għandi bħalissa

### Kif tiddiskrivi l-kollezzjoni tiegħek?

Il-maġġoranza tal-kotba li għandi jitqiesu bħala Melitensia, jiġifieri kotba fuq Malta jew ippubblikati Malta. It-tieni l-ikbar ammont ta' kotba huma l-logħob tal-mejda, li diġa tkellimt ħafna fuqhom fuq il-blog [Shelfie](https://www.shelfie.email/p/003-ghar-gremxul). Il-bqija tal-kotba jistgħu jitqiesu jew bħala folklor u mitoloġija, diżinjar ta' logħob, u mixellanja (kwalunkwe ktieb li ma joqgħodx fil-kategoriji li semmejt qabel).

L-istampa ta' qabel ma jurix il-kotba kollha tiegħi, peress li għad għandi ħafna minnhom għand il-ġenituri.

### Liem lingwi għandek fil-kollezzjoni?

Peress li jiena Malti, nitkellem kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti, u nqishom it-tnejn bħala lingwi nattivi tiegħi. Ovvjament, l-Ingliż jkopri l-maġġorità tal-kotba tiegħi, imma porzjon sinifikanti tal-kollezzjoni huwa bil-Malti.

Lingwi oħra li huma rappresentati huma t-Taljan u l-Franċiż, li t-tnejn li huma studjajthom u nista' naqrahom. Imbagħad, il-kotba l-oħra li fadal huma miktubin b'taħlita ta' lingwi (issoltu l-Ingliż u lingwa oħra li ma nistax naqra), bħala pereżempju il-Latin, l-Għarbi, il-Ġermaniż, ir-Rumen, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Welsh, u l-Galliku Skoċċiż.

 [ ![Xkafef bil-kotba](https://ghargremxul.mt/user/pages/03.blog/whats-on-my-shelves/shelves-1.jpg "Xkafef bil-kotba") ](https://ghargremxul.mt/user/pages/03.blog/whats-on-my-shelves/shelves-1.jpg) [ ![Xkafef bil-kotba](https://ghargremxul.mt/user/pages/03.blog/whats-on-my-shelves/shelves-2.jpg "Xkafef bil-kotba") ](https://ghargremxul.mt/user/pages/03.blog/whats-on-my-shelves/shelves-2.jpg) [ ![Xkafef bil-kotba](https://ghargremxul.mt/user/pages/03.blog/whats-on-my-shelves/shelves-3.jpg "Xkafef bil-kotba") ](https://ghargremxul.mt/user/pages/03.blog/whats-on-my-shelves/shelves-3.jpg) [ ![Xkafef bil-kotba](https://ghargremxul.mt/user/pages/03.blog/whats-on-my-shelves/shelves-4.jpg "Xkafef bil-kotba") ](https://ghargremxul.mt/user/pages/03.blog/whats-on-my-shelves/shelves-4.jpg)

### Kif inhi organizzata l-kollezzjoni tiegħek?

Il-kotba Melitensia qsamthom f'bosta kategoriji: folklor, l-istorja, lingwa, l-istorja reġjonali, l-emigrazzjoni, dizzjunarji, arti, arkitettura, eċċ. Hemm ammont sinifiku ta' kotba li huma kbar wisq biex joqogħdu fl-ixkaffa l-propja, allura għandhom xkaffa għalihom. Ħafna mill-kotba irranġajthom skont id-daqs, imma dawk fuq l-istorja irranġajthom ukoll skont il-perjodu ta' żmien biex insibhom iktar malajr. Is-sistema mhix perfetta, imma għadni qed naħdem fuqha.

Il-bqija tal-kotba tiegħi huma mqassmin f'kategoriji mhux daqshekk stretti, imma m'għandhomx iktar ħsieb minn hekk.

### Kif inbidlet il-kollezzjoni tiegħek maż-żmien?

Allavolja minn dejjem kelli kotba bil-Malti jien u nikber, il-kilba biex nakkwista iktar kotba bil-Malti hi t-tort ta' l-ktieb *[The Maltese Bestiary](https://merlinpublishers.com/product/the-maltese-bestiary/)*, miktub minn Stephan D. Mifsud u ppubblikat fl-2014 minn Merlin Publishers. Wara li qrajtu u stagħġibt bil-kontenut, ridt nitgħallem iżjed u ħsibt li l-aħjar mod biex nagħmel hekk huwa billi nfittex l-kotba msemmijin fil-bibliografija fuq wara. Dik it-tfittxija hija r-raġuni għala l-kollezzjoni tiegħi ta' kotba hi li hi (u nħossni kuntent ħafna li l-35 referenza mniżżlin fuq il-wara tal-ktieb kollha għandi)!

![Għażla ta' referenzi mill-wara ta' The Maltese Bestiary](https://ghargremxul.mt/images/d/3/1/1/d/d311d169bf594a03ca29022215b4f74533518c60-maltese-bestiary-references.jpg "Għażla ta' referenzi mill-wara ta' The Maltese Bestiary")Għażla ta' referenzi mill-wara ta' The Maltese Bestiary

Ħafna mill-kotba tiegħi huma second hand, iżda minħabba x-xogħol żgħir tal-istampar u d-daqs żgħir tal-udjenża għal kotba Melitensia, nipprova nixtri kotba li għadhom kif ġew ippubblikati jekk nsibhom interessanti u nista' naffordjahom.

Bil-kotba tal-folklor u mitoloġija, meta nsiefer jew jien u nqalleb fil-ħwienet tal-karità, dejjem infittex kotba bil-ħrejjef tal-post jew kotba dwar folklor lokali. Nagħmel hekk għax naħseb li l-ħrejjef jiftħu tieqa fuq l-interessi u l-anzjetà tal-poplu, u għandi kurżità jekk hemmx simili bejn popli differenti. Ħadt l-idea biex nixtri l-ħrejjef minn [Zalka Csenge Virág](https://www.zalkacsenge.hu/), imma żgur li l-kollezzjoni tagħha aħjar minn tiegħi!

Fl-aħħar nett, il-kotba li għandi dwar id-diżinjar ta' logħob hija minħabba l-isfond akkademiku tiegħi kif ukoll xogħli bħala żvillupatur tal-logħob.

### X'inhu l-aktar oġġett prezzjuż fil-kollezzjoni tiegħek, u għala?

Peress li ħafna kotba Maltin għandhom xogħol żgħir tal-istampar bħal ma semmejt qabel, ftit minnhom huma imfittxijin ħafna u diffiċli ssibhom. Hemm uħud mill-kotba li ġew f'idejja għax inzertajt kont furtunat, jew għax iġġilidt għalihom meta jinbiegħu l-affarijiet tad-dar ta' xi ħadd li għadu kif miet. Bosta minn dawn il-kotba ħarġu ftit biss minnhom (bħal 500 jew 1000 kopja biss), allura qegħdin vera għal qalbi!

![Oġġetti prezzjużi](https://ghargremxul.mt/images/1/5/e/5/9/15e596513cc1735e77bc1654babc636d1d5b6c89-prized-book.jpg "Oġġetti prezzjużi")Oġġetti prezzjużi

### X'inhi l-iktar parti favorita mill-kollezzjoni?

Minħabba li parti kbira mill-kollezzjoni hija second-hand, ġieli nizerta traċċi tas-sid ta' qabel tal-ktieb. Uħud mill-kotba huma ffirmati u ddedikati, uħud minnhom għandhom tikketti ex libris li jimmarkaw min kien is-sid ta' qabel, uħud minnhom għandhom qtugħ minn gazzetti dwar il-mewt tal-awtur, oħrajn għandhom santi, jew kienu parti minn xi librerija u issa m'għandhomx. Ġieli sibt ittri bejn l-awtur u n-nies! Kull ktieb għandu l-istorja tiegħu.

 [ ![Kotba second hand](https://ghargremxul.mt/user/pages/03.blog/whats-on-my-shelves/second-hand-1.jpg "Kotba second hand") ](https://ghargremxul.mt/user/pages/03.blog/whats-on-my-shelves/second-hand-1.jpg) [ ![Kotba second hand](https://ghargremxul.mt/user/pages/03.blog/whats-on-my-shelves/second-hand-2.jpg "Kotba second hand") ](https://ghargremxul.mt/user/pages/03.blog/whats-on-my-shelves/second-hand-2.jpg) [ ![Kotba second hand](https://ghargremxul.mt/user/pages/03.blog/whats-on-my-shelves/second-hand-3.jpg "Kotba second hand") ](https://ghargremxul.mt/user/pages/03.blog/whats-on-my-shelves/second-hand-3.jpg) [ ![Kotba second hand](https://ghargremxul.mt/user/pages/03.blog/whats-on-my-shelves/second-hand-4.jpg "Kotba second hand") ](https://ghargremxul.mt/user/pages/03.blog/whats-on-my-shelves/second-hand-4.jpg)

### X'inhu l-ewwel ktieb tal-kollezzjoni?

Jista' jkun li l-ewwel ktieb huwa *[Ħrejjef Missirijietna](https://bdlbooks.com/product/hrejjef-missirijietna/)* ta' Manwel Magri, li xtratu ommi meta kont għadni tifel. Għamel ħafna żmien fuq l-ixkaffa qabel rabbejt l-interess biex naqrah u sirt naf li diġa kellna kopja.

### Liem hu l-eqdem ktieb fil-kollezzjoni?

Jekk karti sfużi jgħoddu, għandi karta bit-titlu ta' *Inscription Athlantico-Phœnicienne trouvée à Médine, ancienne capitale de l'Isle de Malte l'a 1826*, stampata fl-1829. Din il-litografija saret biex turi ġebla li suppost instabet mill-patri Galea fl-Mdina, u li ġiet identifikata minn Grognet de Vassé li qal li kienet miktuba bl-alfabett t'Atlantis. Il-ġebla daret l-Ewropa taħt l-eżaminazzjoni ta' bosta akkademiċi u għorrief li ddeċidew li kienet iffalsifikata. Din il-litografija kienet ispirazzjoni diretta għal-logħba l-aktar riċenti tiegħi, [Taħt il-Mewġ](https://ghargremxul.mt/games/taht-il-mewg), avventura bil-kliem dwar Malta u t-tfittxija għal Atlantis.

Inkella, l-eqdem ktieb fil-kollezzjoni tiegħi huwa *[The Story of Malta](https://archive.org/details/storymalta00ballgoog)* ta' Maturin M. Ballou, ktieb tal-istorja u l-ivjaġġar minn għajnejn Amerikan. Ġie ppubblikat fl-1893 minn Houghton, Mifflin and Co.

![The Story of Malta ta' Maturin M. Ballou, ippubblikat fl-1893 minn Houghton, Mifflin and Co.](https://ghargremxul.mt/images/8/f/8/4/d/8f84d649f653e564ad0fa3ba3d23fdc0c3170ceb-the-story-of-malta.jpg "The Story of Malta ta' Maturin M. Ballou, ippubblikat fl-1893 minn Houghton, Mifflin and Co.")The Story of Malta ta' Maturin M. Ballou, ippubblikat fl-1893 minn Houghton, Mifflin and Co.

### Liem hu l-aħħar ktieb li żidt mal-kollezzjoni?

Wieħed mill-aħħar kotba li żidt mal-kollezzjoni huwa dal-ktieb enormi li jismu *[The International Dictionary of Artists who Painted Malta](https://bdlbooks.com/product/the-international-dictionary-of-artists-who-painted-malta/)*, miġbur minn Nicholas de Piro. Il-verżjoni li għandi huwa t-tieni edizzjoni li ħareġ fl-2002 mill-Audio Visual Centre.

Riċentament, xtrajt kopja ta' *[Dice Games Properly Explained](https://boardgamegeek.com/boardgame/10973/dice-games-properly-explained)* ta' Reiner Knizia, li xtrajtu wara li qrajt [kitba min-newsletter ta' Skeleton Code Machine](https://www.skeletoncodemachine.com/p/knizia-goal) fejn tkellem fuq kif tista' tieħu ispirazzjoni mill-futbol int u tiddiżinja l-logħba tal-mejda. Din l-idea safrattant meħuda minn ktieb ieħor ta' Knizia fuq il-logħob.

Ftit ilu, omm il-mara tatni l-ktieb *[Street Style: Art and Dress in the Time of Caravaggio](https://reaktionbooks.co.uk/work/street-style)* ta' Elizabeth Currie, ippubblikat fl-2025 minn Reaktion Books. Huwa ktieb storiku dwar l-ilbies tal-Italja tal-perjodu modern bikri, u qed nispera li jservi ta' influwenza għall-proġetti fil-futur.

![Street Style: Art and Dress in the Time of Caravaggio ta' Elizabeth Currie, ippubblikat fl-2025 minn Reaktion Books](https://ghargremxul.mt/images/8/d/b/a/c/8dbac1dc35e4ddc6c28333a81743d9cf01ecc5cf-street-style.jpg "Street Style: Art and Dress in the Time of Caravaggio ta' Elizabeth Currie, ippubblikat fl-2025 minn Reaktion Books")Street Style: Art and Dress in the Time of Caravaggio ta' Elizabeth Currie, ippubblikat fl-2025 minn Reaktion Books

### Liem hu l-iktar ktieb ġdid fil-kollezzjoni?

L-iktar ktieb ġdid Malti li żidt mal-kollezzjon probabbliment huwa *[Kwadri mill-Istorja](https://bdlbooks.com/product/kwadri-mill-istorja/)*, ta' Evarist Bartolo u ppubblikat fl-2026 minn Horizons Publications. Hawnhekk, l-awtur jikteb fuq stejjer żgħar li seħħew tul l-istorja ta' Malta li faċilment jintesew.

Mill-kollezzjoni ta' kotba fuq il-logħob, l-iktar ktieb ġdid li għandi huwa *[The Game Narrative Kaleidoscope](https://www.inklestudios.com/kaleidoscope/)*, miġbur minn Jon Ingold u ppubblikat fl-2026 minn inkle studios. Il-ktieb fih sensiela ta' kitbiet interessanti minn nies li jiktbu għal-logħob u kif jaħsbu fuq in-narrativa, u hemm ukoll poddata li tagħmel mal-ktieb.

Fil-qasam tal-folklor u mitoloġija, l-iktar ktieb ġdid wisq probabbli huwa *[Fairies: A History](https://www.wiley.com/en-us/shop/general-introductory-history/fairies-a-history-p-9781509566778)* ta' Francis Young u ppubblikat fl-2026 minn Polity. Dal-aħħar, bdejt ninteressa ruħi fil-fati (bl-Ingliż faeries), forsi għal xi proġett fil-futur, u għandi ġenn naqrah meta jkolli l-ħin.

![The Game Narrative Kaleidoscope miġbur minn Jon Ingold, ippubblikat fl-2026 minn inkle studios](https://ghargremxul.mt/images/2/5/5/7/e/2557e6eece0260822a9270dfac713bec189f7df2-game-narrative-kaleidoscope.jpg "The Game Narrative Kaleidoscope miġbur minn Jon Ingold, ippubblikat fl-2026 minn inkle studios")The Game Narrative Kaleidoscope miġbur minn Jon Ingold, ippubblikat fl-2026 minn inkle studios

### Fizzjoni jew le?

Ħafna mill-kotba li għandi mhumiex fizzjoni. Hemm diversi raġunijiet; l-ewwel nett, ħafna mill-kotba fizzjoni li għandi għadhom għand il-ġenituri, u t-tieni nett, nippreferi naqra fizzjoni fuq ebook reader għax iktar faċli biex iġġorru miegħek.

### Liem ktieb fetaħlek għajnejk b'xi mod, u kif?

Diġa ktibt diversi drabi kemm hu importanti l-ktieb *[The Maltese Bestiary](https://merlinpublishers.com/product/the-maltese-bestiary/)* għal Għar Gremxul, kemm f'dan l-artiklu kif ukoll f'dak ta' qabel fejn ktibt fuq [l-Appendiċi N personali tiegħi](https://ghargremxul.mt/blog/personal-appendix-n). Ktibt ukoll kif ħadt ispirazzjoni mill-ktieb \_[Il-Baħar Rasu Iebsa](https://bdlbooks.com/product/il-bahar-rasu-iebsa/)\_ta' Lino Psaila u ppubblikat fl-2003 ta' Klabb Kotba Maltin.

Madankollu, hemm kotba oħra li influwenzawni b'mod simili. [ *The Book of Imaginary Beings*](https://en.wikipedia.org/wiki/Book_of_Imaginary_Beings) ta' Jorge Luis Borges, ippubblikat fl-2002 minn Vintage, huwa ktieb li rrakkomandajtu lil kulħadd u influwenzani b'diversi modi: il-format ta' bestjarju u deskrizzjonijiet ta' annimali u mostri li diffiċli tkun taf jekk humiex vera jew le, flimkien ma' referenzi akkademiċi li ukoll m'intix ċert humiex vera! Qabel ma ndunajt, domt mhux ħażin infittex is-sors oriġinali biex nipprova nitgħallem iżjed dwar annimal partikolari.

Hemm ħafna kotba u awturi oħra li influwenzaw lili u lil xogħoli b'xi mod jew ieħor! Forsi tinkiteb xi bloggata oħra fil-futur.

### Hemm xi ktieb li ilek għalih?

Għandi lista twila ta' kotba li ilni nfittex, u ftit minnhom ili nfittixhom kważi 10 snin issa! Eżempju prominenti huwa kotba mis-sensiela [Kullana Kulturali](https://timesofmalta.com/article/the-extension-of-knowledge.352425), enċiklopedija bil-Malti. Darba minnhom, kelli l-opportunità nixtri sett sħiħ, imma peress li ħassejt li kien għali wisq, ma xtrajtux, imma li tipprova tfittex u tixtri kull ktieb individwalment iktar diffiċli, u naħseb spiċċajt agħar.

### L-isbaħ ktieb fil-kollezzjoni?

Għandi xi kotba ppubblikati mill-Folio Society fuq xkafef oħra differenti! Bħala rigal, il-mara tatni kopja tal-*[Kummiedja Divina](https://www.foliosociety.com/usa/the-divine-comedy-dante)* ta' Dante, ippubblikata fl-2023 mill-Folio Society, u l-ktieb bellezza.

![Il-Kummiedja Divina ta' Dante, ippubblikata fl-2023 mill-Folio Society](https://ghargremxul.mt/images/d/2/3/5/c/d235cb036bafab7362a9b42afacd3c95eea6f650-divine-comedy.jpg "Il-Kummiedja Divina ta' Dante, ippubblikata fl-2023 mill-Folio Society")Il-Kummiedja Divina ta' Dante, ippubblikata fl-2023 mill-Folio Society

### Qoxra ratba jew qoxra iebsa?

Fejn jista' jkun, nippreferi qoxra iebsa, allavolja l-kotba huma ħafna itqal hekk, u meta kelli nimxi minn appartament għal ieħor batejt!

Għandi wkoll xi komiks u xi faxxikli, kif ukoll xi ġurnali akkademiċi (imma wisq probabbli dawn jgħoddu kollha bħala qoxra ratba).

### Kif timmarka l-paġna fil-ktieb? Tuża' markapaġni?

Iva! Dawn ftit milli għandi.

![Għażla ta' markipaġni differenti.](https://ghargremxul.mt/images/a/5/8/8/1/a588110289b5974babdf332753924b47a8425717-bookmarks.jpg "Għażla ta' markipaġni differenti.")Għażla ta' markipaġni differenti.

### X'għandek fil-kollezzjoni diġitali?

Il-kollezzjoni diġitali tikkonsisti kemm f'kotba fizzjoni kif ukoll kotba li mhumiex. Dawn naqrahom fuq Kindle Paperwhite antikissimu. Għandi wkoll għażla ta' PDFs akkademiċi relatati ma' Malta li jew sibthom mill-università ta' Malta jew minn xi istituzzjoni akkademiku barra minn Malta. Hemm xi awdjokotba wkoll li smajt, imma ili ma nisma' kitba.

---

Nispera li ħadt gost tieħu dawra mal-ixkafef tal-kotba tiegħi, kemm tal-[logħob tal-mejda fuq Shelfie](https://www.shelfie.email/p/003-ghar-gremxul), kif ukoll il-bqija tal-ixkafef f'dan l-artiklu! Tiddejjaqx tibgħatli jekk għandek xi kummenti jew mistqosijiet dwar il-kotba li għandek; ma niddejjaq xejn nitkellem fuqhom!

---

## Navigation

- Parent: [Blog](https://ghargremxul.mt/mt/blog.md)
- Next: [Appendiċi N Personali](https://ghargremxul.mt/mt/blog/personal-appendix-n.md)
