Illum il-ħames anniversarju minn mindu bdejt noħroġ logħob taħt l-isem Għar Gremxul!

Xtaqt immur lura lejn il-bidu ta' Għar Gremxul u nagħti ħarsa lejn il-logħob li għamilt, l-idea warajhom, u ftit mill-ħsibijiet li kelli beix fassalthom.

Il-Bidu ta' Għar Gremxul

Logo ta' Għar Gremxul
Logo ta' Għar Gremxul

Għar Gremxul huwa esplorazzjoni ta' folklor, leġġendi, u storja Maltija fil-logħob. Il-proġett huwa tiegħi, żviluppatur tal-logħob Malti, u bdejtu waqt il-pandemija tal-COVID fl-2020 fejn f'Awwissu ħriġt l-ewwel logħba tiegħi, Rewwixta. Peress li ilu 5 snin minn mindu ħarġet il-logħba, ħsibt li nista' nagħti ħarsa lura u niddeskrivi ftit il-bidu ta' Għar Gremxul, ir-raġunijiet u s-sorsi ta' ispirazzjoni li ġiegħluni nibda dan il-proġett, u l-logħob li ħarġu.

Waqt li l-ewwel logħba taħt l-isem Għar Gremxul dehret f'Awwissu 2020, fil-fatt kont bdejt naħseb ħafna qabel fuq it-taħlita ta' logħob u l-folklor, storja, u kultura Maltija. Sa mill-2017, kont diġà bdejt nitgħallem iżjed dwar il-folklor u leġġendi Maltin, nsajjar u nservi riċetti u deżerti Maltin, nixtri kotba miktubin bil-Malti jew dwar Malta, u niskopri kliem interessanti bil-Malti u nitgħallem iżjed dwar l-etimoloġija tagħhom. Wieħed mir-raġunijiet wara dan l-interess, u saħansitra sors ewlieni ta' ispirazzjoni għall-eżistenza ta' Għar Gremxul, huwa l-ktieb The Maltese Bestiary ta' Stephan D. Mifsud, ippubblikat minn Merlin Publishers fl-2014. Il-ktieb jidħol f'ħafna dettal dwar diversi figuri mostrużi mill-mitoloġija, folklor, u leġġendi Maltin, u jqegħedhom f'kategoriji differenti.

The Maltese Bestiary, ta' Stephan D. Mifsud
The Maltese Bestiary, ta' Stephan D. Mifsud

Fl-2019, bdejt inħares lejn il-possibiltà li noħloq logħba tal-mejda li sseħħ Malta. Hawnhekk, ikkunsidrajt li nuża ir-regoli tal-5es edizzjoni ta' Dungeons & Dragons; is-sistema kienet populari u kont nafha sew, u kien hemm bosta prodotti simili magħmulin minn nies oħra li kienu bbażati fil-folklor reġjonali tagħhom li donnhom intgħoġbu min-nies. Fl-April fl-2020 kont bdejt nikteb ħsibijieti dwar kif kont se nibda, kif ukoll tfassil preliminarju għal karattri u mostri. Iktar ma bdejt naħseb fuqha il-biċċa, iktar ma bdejt ninduna li għalkemm Dungeons & Dragons kien popolari, il-logħba kienet ispirata minn fantasija tal-Punent tas-70ijiet u kienet mibnija minn ġabra ta' arketipi u suppożizzjonijiet li qablux ma ridt nagħmel. Dan fisser li jew kelli niġġieled kontra d-disinn ta' Dungeons & Dragons, infittex logħba oħra biex nibni fuqha (li kapaċi setgħet kienet iktar adattata imma mhix daqshekk magħrufa), jew noħloq sett regoli uniċi għal-logħba, li jiena ħsibt li kienet biċċa xogħol kbira wisq għal persuna waħda. (Filfatt niftakar li kien hemm proġett simili ammont ta' snin ili jismu Seħtet is-Swar ta' Chucky Bartolo li deher fl-istess ħin u ukoll ried jirrapreżenta mostri Maltin fil-logħba Dungeons & Dragons, imma donnu l-proġett sparixxa.)

Għalkemm għandi kemm kemm esperjenza bħala disinjatur tal-logħob, primarjament studjajt bħala żviluppatur u programmatur tal-logħob. Peress li ma ħassejtx li kelli l-ħila nfassal sistema sħiħa wahdi għal logħba tal-mejda, u ma tantx kelli esperjenza b'sistemi oħra, iddeċidejt li nistenna ftit. Nixtieq nerġa' nipprova però, u jekk int interessat taħdem miegħi, ibgħatli messaġġ!

Pilastri Ewlenin

Meta bdejt Għar Gremxul, fassalt xi pilastri ewlenin biex jiggwidawni jien u noħloq il-logħob.

Logħob ibbażati fuq folklore, storja, u kultura Maltija

Il-gżejjer Maltin ma tantx jidru fil-logħob (kif diġitali kif ukoll analoġiċi), u meta jidhru, jintużaw biss bħala sfond għal storja kompletament differenti. Barra minn hekk, ħafna mil-logħba fuq Malta jew fejn tidher Malta magħmulin minn żviluppaturi li mhumiex Maltin. Peress li Malta għaddiet minn taħt ħafna poteri kolonjali differenti, xtaqt minflok inqiegħed il-poplu Malti fiċ-ċentru tal-logħob, flok sempliċiment parti mix-xenarju.

Il-populazzjoni ta' Malta jgħodd mal-500,000 persuna (mingħajr ma nżid il-Maltin li jgħixu barra minn Malta), allura naf li t-temi mhumiex eżattament kummerċjalment vijabbli. Hawn qabel miegħi żvillupatur Malti tal-logħob, li meta kellimtu dwar is-suġġett, qalli "Imma min se jkun interessat jilgħab logħba daqshekk speċifika?" Allavolja m'għedt xejn dak il-ħin, għadni niftakar sal-lum nieqaf u naħseb, "Jiena!"

Ovvjament, ma nistenniex li logħob fuq dawn is-suġġetti se jkunu kummerċjalment vijabbli, nifhimha. Tgħin ħafna kieku kien hekk, imma ninsab fortunat li Għar Gremxul m'hemmx għalfejn ikun suċċess fis-suq biex inkompli noħloq il-logħob, għax mhux xogħli ta' kuljum.

Munzell kotba dwar folklor, storja, u kultura Maltija
Munzell kotba dwar folklor, storja, u kultura Maltija

Disponibbli biex tilgħab bil-Malti

Il-Malti mhux lingwa li għandha preżenza diġitali kbira ħafna. Dan minħabba l-popolazzjon żgħir tal-pajjiż, kif ukoll għax il-Maltin jitkellmu kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti. Dan ifisser li ħafna mill-materjal miktub li ssib fuq l-Internet magħmul mill-Maltin għall-Maltin wisq probabbli huwa bl-Ingliż, b'xi eċċezzjonijiet (bħal pereżempju l-Wikipedija, xi siti tal-aħbarijiet, xi poddatti u blogs). Sfortunatament, dan ifisser li l-Malti huwa kkunsidrat bir-riskju li jsir "diġitalment estint", peress li m'hemmx inċentiv tippubblika affarijiet fuq l-internet bil-Malti. Min-naħa tiegħi, biex nipprova nwaqqaf milli tiġri, u bħala forma ta' reklamazzjoni tal-lingwa, nipprova li kull logħba li noħloq teżisti kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti (allavolja minix traduttur professjonali). Inħossha importanti li jeżistu logħob li jistgħu jintlagħbu bil-Malti, speċjalment jekk għandhom x'jaqsmu ma' kultura lokali. Fil-verità, ma nistennix li n-nies qatt se jħarsu lejhom jew jilgħabu dawn il-logħob.

Munzell kotba dwar il-lingwa Maltija
Munzell kotba dwar il-lingwa Maltija

Għandhom biblijografija b'aktar qari

Dejjem għoġbitni l-idea tal-Appendiċi N f'Dungeons & Dragons bħala mod kif issemmi xogħol li influwenza l-logħba b'xi mod. Barra minn hekk, kienet il-biblijografija fuq il-wara tal-ktieb The Maltese Bestiary ta' Stephan D. Mifsud li mbuttatni biex infittex dawk is-sorsi u nitgħallem iżjed dwar il-materjal li uża Mifsud. Bl-istess mod, xtaqt li naħseb b'mod akkademiku fuq il-logħob tiegħi u nżid lista ta' referenzi fuq wara biex min irid jista' jaqra iżjed dwar is-suġġett, qisek qed taqra xogħol akkademiku. Ħassejt ukoll li dawn ir-referenzi jservu biex jagħtu kreditu u juru liem awturi ffurmaw ħsibijieti u kkontribwew għal-logħba b'dak il-mod.

Paġna referenzi minn The Maltese Bestiary ta' Stephan D. Mifsud
Paġna referenzi minn The Maltese Bestiary ta' Stephan D. Mifsud

Jagħtu kreditu għal kull stampa li tintuża

Mill-bidu kont naf li ma kontx naf inpinġi u ma stajtx nżid l-istampi tiegħi fil-logħob li nkun għamilt. Madankollu, ħsibt li stajt ngħaddi billi nuża arti maħruġ fid-dominju pubbliku, speċjalment jekk stajt nuża arti Malti jew art minn sorsi relatati ma' Malta li kienu fid-dominju pubbliku. Ittamajt li xi darba stajt inħallas lil xi ħadd biex ipinġili xi ħaġa, imma l-ewwel ridt nara jekk kienx hemm interess fil-logħob li ridt nagħmel. Dejjem dejjqitni l-ħaġa fejn tintuża stampa mid-dominju pubbliku mingħajr ma jintqal minn fejn ġiet l-istampa, u ħlift li kull logħba li noħroġ kien se jkollha l-kreditu kif suppost għal kull stampa li nuża.

Tal-Ħalib, ta' Edward Caruana Dingli
Tal-Ħalib, ta' Edward Caruana Dingli

Minn Fejn Ġej l-Isem

Kont naf li ridt nippubblika logħob taħt isem Malti, imma ma kontx ċert jekk ridtx nuża ittri speċifi għall-Malti fl-isem, għax ħsibt li se nħawwad kull min mhuwiex Malti (li stennejt li kien se jkun il-maġġoranza tal-udjenza). Fl-aħħar, iddeċidejt li nuża ittri Maltin, u fejn stajt, żidt gwida ta' pronunzja bl-Alfabett Fonetiku Internazzjonali biex tkun iktar faċli biex tingħad.

Domt mhux ħażin nikkonfondi fuq l-isem qabel ma fl-aħħar ideċidejt li nissemma Għar Gremxul. Ħadt ispirazzjoni mil-leġġenda Maltija li tgħid li l-gremxul fuq Filfla għandhom żewġ dnub. Kien hemm ismijiet oħra li kkunsidrajt, imma l-ebda wieħed minnhom ma nħass sew jingħad.

Minħabba l-preferenza tiegħi li nippubblika logħob b'mod anonimu taħt l-isem Għar Gremxul, hemm min jaħseb li dak huwa ismi, imma dan mhux minnu! Fil-verità, m'hemm l-ebda raġuni li nibqa' anonimu ħlief li nixtieq li x-xogħol jitkellem għalih innifsu. Ċert li xi darba nixkef x'inhu ismi meta l-ħin ikun adattat.

Podarcis filfolensis ssp. filfolensis. Ritratt meħud minn Arnold Sciberras
Podarcis filfolensis ssp. filfolensis. Ritratt meħud minn Arnold Sciberras

L-Istorja ta' Għar Gremxul

Qattajt ħafna żmien fuq Twitter nosserva t-taħdidiet relatati mal-logħob tal-mejda biex nitgħallem iżjed dwar il-punti ta' diskussjoni li l-komunità ħasset li kienu importanti, liem logħob u sistemi għandi nilgħab u nistudja, kif ukoll titgħallem iżjed dwar id-disinn grafiku u t-tqassim ta' informazzjoni fuq paġna. Kien hemm bosta nies li influwenzawni u xogħli, bħal Nova magħrufa ukoll bħala Idle Cartulary, Bee Scerri, Pam Punzalan, u Emily Pennyway, fost ħafna oħrajn. Sfortunament, minn mindu miet Twitter, din il-komunità infirxet u qed terġa' tifforma bil-mod fuq Bluesky.

Li nsegwi t-taħdidiet tal-komunità eventwalment wassalni għall-game jams fuq itch.io fejn in-nies kienu imħeġġa biex joħolqu logħob tal-mejda, u peress li konna f'nofs il-pandemija tal-COVID-19, iddeċidejt li nipprova jien ukoll!

Rewwixta

Rewwixta
Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Rewwixta

Rewwixta hija lgħajba fejn jintqalu stejjer ta' assedji, ribelljonijiet, u rewwixti kontra setgħat kolonjali. Il-logħba ħarġet fl-10 t'Awwissu, 2020, u hija l-ewwel logħba tal-mejda li ħarġet taħt l-isem Għar Gremxul. Inħalqet għall-game jam Unearthed Expansions organizzat minn Aaron Lim 林家丰.

Peress li t-tema tal-game jam kienet “ħu logħba li ma teżistix bħala logħba tal-mejda, u dawwarha f'waħda”, għażilt li nieħu logħob folkloristika. Hawn, għażilt il-brilli, logħba folkloristika bowling li llum tintlagħab biss fi ftit rħula f'Għawdex.

Ma kontx iltqajt ma' logħba bowling bid-dammi qabel, u ħsibt li setgħet kienet idea interessanti. Minħabba li l-brilli fil-logħba għandhom ismijiet, ħsibt li stajt ndawwar kif tintlagħab il-logħba f'messaġġ anti-kolonjali ta' ribelljoni, fejn li twaqqa' l-brilli tiddetermina jekk ir-rewwixta tirnexxi jew le.

Peress li Malta għandi diversi stejjer ta' ribelljoni fl-istorja tagħha, ma ridtx nagħżel ribelljoni partikolari, u għażilt minfolk li nagħmel referenza għal ftit minnhom fl-għażliet. Dan ifisser li t-tema tal-logħba setgħet tinbidel għal rewwixti oħra madwar id-dinja.

Allavolja ma tantx kelli idea ta' x'jien nagħmel għall-ewwel darba tiegħi noħloq logħba tal-mejda, xorta sodisfatt ħafna bir-riżultat!

Is-Saflenin

Is-Saflenin
Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Is-Saflenin

Is-Saflenin hija lgħajba u avventura f'dinja taħt l-art. Il-logħba ħarġet fit-30 ta' Awwissu 2020, u nħalqet għall-Folklore Jam 2020 organizzat minn W. H. Arthur, Lari Assmuth, Jessica Marcrum, u Litza Bronwyn.

Dan il-game jam kien għażla ovvja għalija, peress li fejn nista', diġà nipprova nintegra l-folklor Malti fil-logħob li noħloq! (Imma ngħidlek il-verità, għadni ma rnexxilix nipparteċipa fi Folklore Jam ieħor...) Issa il-mistoqsija kienet, fuqiex kienet se tkun il-logħba?

Dejjem interessajt ruħi fil-leġġenda urbana li tgħid li razza ta' ġganti tgħix fil-fond taħt l-art f'għar aċċessibbli biss mit-tempju ta' Ħal-Saflieni. Jien u nagħmel ir-riċerka, iltqajt ukoll ma' ħafna ħrejjef Maltin li ukoll kellhom x'jaqsmu mad-dinja ta' taħt l-art, u kollha inkorporajthom b'xi mod jew ieħor fil-logħba. Biex nidħol iktar fil-burdata jien u naħdem fuqha, smajt ħafna il-mużika ta' Paleowolf.

Minħabba li xorta ħassejt li ma kellix idea x'jien nagħmel bħala tfassil tal-logħba, bqajt bl-idea ta' logħba fejn tilgħab waħdek u tiġġenera storja. Madankollu, din id-darba, speċifikament ridt li l-logħba tkun diffiċli, imma mhux neċessarjament li qatt ma tista' tirbaħ. Peress li għandi sfond professjonali ta' żvillupatur ta' software, iddeċidejt li nikteb xi code u noħloq simulazzjoni tal-logħob biex b'hekk inkun nista' nara jekk is-sistemi li kelli f'moħħi setgħu jipprovdu l-esperjenza tal-logħba li ridt jien. Wara ħafna provi, eventwalment sibt konfigurazzjoni li għoġobni.

Ir-Raxx tal-Baħar

Ir-Raxx tal-Baħar
Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Ir-Raxx tal-Baħar

Ir-Raxx tal-Baħar hija lgħajba lirika li tirrakkonta esperjenzi tat-trobbija tiegħi ħdejn il-baħar f'Malta. Il-logħba ħarġet fit-13 ta' Settembru 2020, u nħolqot għall-game jam d66 Game Design Tracks organizzat minn Idle Cartulary.

Kont ili nsegwi lil Idle Cartulary fuq Twitter u intrigajt ruħi bl-idea ta' logħob liriċi. Meta tħabbar il-game jam, ġietni f'moħħi li din kienet l-aħjar opportunità biex nipprova noġloq logħba lirika. Wara t-twaddib ta' dammi, spiċċajt bid-diska The Big Ship ta' Brian Eno (li qatt ma kont smajt qabel). Ħassejt li kienet tinħass ħosbiena, u b'hekk ridt noħloq logħba ftit iżjed personali.

Hawnhekk iddeċidejt li l-logħba tiffoka fuq ġurnata sajfija minn tfuliti, u ktibt ħafna għażliet biex ikun hemm xi forma ta' varjazzjoni int u tilgħab. Dawn l-għażliet ħadthom minn affarijiet li ġraw lili stess jien u nikber.

Saġġara

Saġġara
Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Saġġara

Saġġara hija lgħajba lirika dwar is-siġar f'Malta u l-qerda tagħhom. Il-logħba ħarġet fil-15 ta' Novembru 2020, u kienet l-ewwel logħba li m'għamlitx parti minn game jam fuq itch.io.

Għalkemm kont diġà ikkwotajt siltiet minn poeżiji għal-logħob tiegħi (partikolarment f'Rewwixta fejn żidt żewġ versi mill-poeżija Jum ir-Rebħ ta' Rużar Briffa), Saġġara kienet l-ewwel logħba inspirata kompletament minn poeżija; f'dan il-każ, Iż-Żabra ta' Victor Fenech.

Din kienet l-ewwel logħba fejn ħassejt il-ħtieġa li nżid taqsima b'aktar qari. L-idea ħadtha mill-fatt li l-qerda tas-siġar tissemma ta' spiss fl-aħbarijiet lokali, u żidt ħoloq għal dawn l-artikli.

Avvenimenti Oħrajn ta' Importanza

Kien hemm żewġ avvenimenti oħra li jispikkawli daqshekk kmieni fil-bidu ta' Għar Gremxul. L-ewwel avveniment kien il-konferenza Session Zero Online, organizzat fit-30 ta' Jannar 2021 mill-grupp Gamers and GMs Philippines fuq il-pjattaforma diġitali Gather. Għalkemm kienet diffiċli biex nattendi uħud mis-serati minħabba d-differenza fil-ħin, xorta waħda ħadt gost niltaqa' man-nies u nitkellem fuq il-logħob tal-mejda ma' disinjaturi oħra.

L-avventiment ieħor li spikka kien artiklu fuq is-sit Dicebreaker miktub minn Lin Codega, li kien jismu “Old stories, new forms: Rewriting folklore as RPGs brings fresh perspectives and cultures to the table” ippubblikat fis-6 ta' Ottubru 2021. Codega ikkuntattjawni fis-sajf biex isaqsu jekk kontx interessat inkun parti minn artiklu fuq l-użu ta' folklor lokali fil-logħob tal-mejda. Aċċettajt bil-ħerqa, u onestament, kont onorat li kkunsidrawni biex inkun parti mill-artiklu fost disinjaturi u awtur magħrufin!

Mument ta' Skiet

Bdejt nara ħafna ġabriet ta' logħob tal-mejda organizzati fuq siti tal-midja soċjali għal diversi kawżi soċjali, u ħsibt li stajt nieħu sehem bil-logħba Rewwixta. L-ewwel ġabra li ħadt sehem fiha hija l-Croatian Earthquake Relief organizzata minn Filip minn Ordoalea Publishing li temmet fit-22 ta' Frar 2021, imma kelli sehem f'ġabriet ikbar bħall-Indie Bundle for Palestinian Aid organizzata minn Alanna Linayre li temmet fit-12 ta' Ġunju 2021 u l-Bundle for Ukraine organizzata minn Necrosoft Games li temmet fit-18 ta' Marzu 2022.

Bħal dan iż-żmien bdejt insir iżjed inċert minni nnifsi u dak li kont qed nagħmel. Bdejt nistaqsi il-għala kont qed noħloq dawn il-logħob. Ħadd online ma deher interessat, u xi kultant ħassejtni qed noħloq il-logħob u nitlaqhom il-baħar. Ma ħassejtnix komdu nitkellem fuq il-logħob għax ma deherlix li kienu t'interess għal udjenza ġenerali, u lanqas ma ridt nħambaq fuq l-internet u nagħmel promozzjoni personali. Dan fisser li ma sibtx interess lejn xogħli. Bdejt nakkumula ħafna ideat għa logħob, imma imbagħad niltaqhom nofs triq għax bdejt niddubita gġal darba tnejn lili nnifsi, l-kapaċità tad-disinjar tiegħi, l-ħila li noħloq xi ħaġa interessanti, u jekk verament kienx hemm xi ħadd interessat fil-logħob.

Għalkemm kont insegwi d-diskussjonijiet bejn disinjaturi oħra ta' logħob tal-mejda fuq il-midja soċjali u tgħallimt ħafna, rari kienet li kont nieħu sehem fil-konversazzjoni. Dan għaliex kont konxju li ma tantx kelli esperjenza f'logħob oħra tal-mejda, kif ukoll ma ħassejtx li kont disinjatur tal-logħob b'esperjenza biżżejjed biex nagħti sehmi. Eventwalment, meta Twitter spiċċa u l-komunità sfaxxat għal pjattaformi differenti, sibtha diffiċli biex insegwi il-ħafna diskussjonijiet li komplew isiru fuq kull pjattaforma.

Wara ftit żmien, erġajt sibt il-motivazzjoni biex nerġa' noħloq il-logħob wara li wasalt sal-konkluzjoni li kien irrelevanti jekk kienx hemm interess fil-logħob. Bdejt noħloq il-logħob għax fl-aħħar mill-aħħar jiena stess ridthom jeżistu u kelli interess li nilgħabhom.

Eventwalment, id-disinjaturi ta' logħob tal-mejda bdew jitfaċċaw fuq Bluesky, u bdew jidhru ukoll komunitajiet fuq Discord fejn stajt nidħol u nitgħallem mill-oħrajn bil-kwiet. B'hekk, erġajt sibt il-motivazzjoni u l-enerġija biex inkompli noħloq il-logħob!

Nerġa' Nsib l-Ispirazzjoni

Ara Ġejja l-Mewt Għalik

Ara Ġejja l-Mewt Għalik
Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Ara Ġejja l-Mewt Għalik

Ara Ġejja l-Mewt Għalik hija lgħajba dwar il-mewt u n-natura inevitabbli tagħha, u hija l-ewwel logħba bħala Għar Gremxul fejn iktar minn persuna waħda tista' tilgħab. Il-logħba ħarġet fl-10 ta' Novembru 2023, u nħolqot għall-AFTERWORDS: The Death Jam organizzat minn Marx Shepherd u l-kooperattiva Far Horizons.

Peress li t-tema tal-game jam kien il-mewt, mal-ewwel ħsibt fil-logħba folkloristika tat-tfal magħrufa bħala “Ara Ġejja l-Mewt Għalik”. Ridt ukoll nuża' lil Ċensa l-Mewt, figura femminili tal-mewt mill-folklor Malti. Żidt xi elementi narrativi lil-logħba billi ħallejt lil min qed jilgħab jagħżel rwol u jagħżel kif ikkawżaw mewt ħaddieħor bl-azzjonijiet tagħhom. Kull karattru li kien għad fadal fil-logħba seta' jmut bil-kwiet.

Għosfor

Għosfor
Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Għosfor

Għosfor hija lgħajba lirika dwar l-għasafar, il-kaċċa, u t-tifkira tal-mejtin. Il-logħba ħarġet fl-24 ta' Lulju 2024, u inħalqet għall-game jam Say hi to a bird jam organizzat Logan Timmins.

Għall-ewwel, bdejt naħseb għandix nieħu ispirazzjoni mill-għasafar li jidhru fil-folklor Malti, imma iktar ma ħsibt fuqha, iktar ma ridt nirrappreżenta l-kaċċa f'Malta. Biex għamilt dan, għamiltha li min qed jilgħab jiskopri għasfur qed imut, u biex ifakkarhom, joħloq santa. Għażilt ukoll li nipprovdi lista ta' għasafar li sparaw fuqha (kemm legalment kif ukoll illegalment) b'referenzi għal kull għasfur.

Ibħra Qawwija

Ibħra Qawwija
Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Ibħra Qawwija

Ibħra Qawwija hija logħba ta' rwoli kooperattiva fejn tipprova tevita traġedja fuq il-baħar f’diversi sitwazzjonijiet differenti. Il-logħba ħarġet fit-30 ta' Novembru 2024, u nħalqet għall-Deep Water Jam organizzat minn Sinta Posadas.

Din il-logħba kapaċi l-akbar waħda li ħloqt bħala Għar Gremxul, u rnexxieli ninkorpora tema li kont ili nipprova ndaħħal f'xogħli; ir-relazzjoni bejn il-Maltin u l-baħar. Kont qrajt il-ktieb Il-Baħar Rasu Iebsa ta' Lino Psaila, ktieb li jitkellem u jiddiskrivi diversi traġedji u mwiet il-baħar ta' sajjieda Maltin fl-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20. Kont ili nipprova noħloq logħba ispirata mill-ktieb mingħajr suċċess ta' xejn, u ninsab sodisfatt ħafna bir-riżultat.

Bl-istess mod ta' Is-Saflenin, ridt li għalkemm kellek aġenzija fil-logħba, wisq probabbli x-xorti kienet se tkun kontrik. Biex nagħmel hekk, żidt rwoli differenti li min jilgħab seta' jagħżel, u ktibt programm b'C# biex nissimula 100000 logħba biex inkun ċert li r-rwoli jaħdmu sew flimkien u li s-sistemi tal-logħba wasslu l-emozzjoni li kont qed infittex.

Dan il-proġett kien stramb għax kien għadu kif kelli tifel, imma xorta waħda ridt nipparteċipa fil-game jam. B'hekk, spiċċajt naħdem fuq il-logħba bejn l-4 u s-6 ta' filgħodu qabel ma qabel kulħadd, kif ukoll jien u sejher ix-xogħol meta kelli l-enerġija.

Kewkba Wikkiela

Kewkba Wikkiela
Il-qoxra ta' quddiem tal-logħba Kewkba Wikkiela

Kewkba Wikkiela (The Star That Hungers) hija avventura Maltija ta’ stil orrur kożmiku għal-livelli baxxi, għal kwalunkwe sistema OSR. Il-logħba ħarġet fil-31 ta' Lulju 2025, u nħalqet għall-Appx. N Jam organizzat minn Dank Dungeons u jorphdan.

Għal dan il-game jam, kull parteċipant intbagħat isem ta' ktieb li ma jeżistix fi stil avventura pulp, fejn dan il-ktieb seta' kien parti mill-Appendiċi N. B'hekk, kelli noħloq avventura fuq erba' paġni A5 mill-isem li tawni, li f'dan il-każ kien The Star That Hungers. Biex inkun onest, batejt naqra, għax ridt insib mod kif indaħħal l-istilel fuq tema Maltija li ssoltu dejjem nagħti lil-logħob li noħloq. Batejt ukoll għax it-titlu kien bl-Ingliż, u dejjem nagħti titli bil-Malti lil-logħob, imma b'xorti tajba inzertajt ktieb bil-Malti mhux daqstant magħruf ħafna li jismu Kewkba Wikkiela ta' Ġużè Grioli. Dan il-ktieb ta' stil orrur kożmiku, u ismu kien ftit jew wisq traduzzjoni tat-titlu li tawni. Li kieku ma sibtux dan il-ktieb, kont qed nikkunsidra nikteb avventura Spelljammer. Ambjentajt l-avventura f'post ispirat ħafna mir-Razzett tax-Xjaten il-Mellieħa, Malta u l-ħafna leġġendi li jagħmlu miegħu.

Dan kien l-ewwel proġett li ħdimt fuqu li kien żieda ta' logħba li diġà teżisti minflok ħloqt logħba kompletament ġdida. F'dan il-każ, ma kontx familjari ħafna bl-stil OSR fil-logħob ta' rwoli, allura tgħallimt ftit fuq id-differenzi li kien hemm, speċjalment meta tqabbel ma' logħob li kont iżjed familjari magħhom. Għażilt li noħloq xi ħaġa li taħdem ma' kull sistema, imma li tieħu ħafna minn AD&D (peress li kelli kopji ta' dawk il-kotba).

Domt mhux ħażin nipprova nifhem eżattament kif kont se nibni kalzru għall-avventura. Fejn stajt, ridt inqassam il-kalzru bħal razzett Malti ta' vera, imma bdejt ninkwieta li ma kont se nsib xi ħaġa li taħdem fil-ħin li kelli. Wara li qallibt diversi pjanti ta' rziezet Malti, mort lura għall-idea oriġinali li kelli li nuża r-Razzett tax-Xjaten (li fil-verità oriġinalment kien skola tal-irkib taż-żwiemel), fassalt pjanta fuq filmat li rajt ta' esploratur tal-postijiet mitluqin, u ħaddimtha biex toqgħod bħala razzett.

Bl-istess mod bħal-logħba l-oħra Ibħra Qawwija, daż-żmien kont fuq leave qed nieħu ħsieb it-tifel. Dan ifisser li stajt naħdem biss fuq Kewkba Wikkiela fil-ħin qasir li kelli meta raqad.

Inħares 'il Quddiem

Allavolja ninsab sodisfatt ħafna b'xogħli, dejjem nista' nitjieb!

L-ewwel nett, id-disinn grafiku tal-logħob huwa bażiku ħafna, u ċert li minħabba f'hekk il-logħob jinħassu iżjed inqas professjonali, speċjalment meta tqabbel ma' logħob oħra li rajt li jidru ħafna aħjar. Għalkemm għandi idea żgħir ta' Affinity Publisher 2, jekk nitgħallem aħjar l-għodda li nuża, kapaċi jkolli logħob li jidhru ħafna aħjar. Nixtieq ukoll noffri iktar karatteristiċi ta' aċċessibbiltà għal-logħob, bħal pereżempju tfassil aħjar biex tipprintja jew għall-mobiles, test alternattiv għall-istampi, u forsi anke tfassil bil-kliem biss jew format awdjo.

Waqt li qattajt ħafna ħin nesplora tipi differenti ta' logħob, forsi kien ikun aħjar jekk niffoka fuq stil partikolari minflok nipprova nagħmel kollox. Mill-banda l-oħra, hemm stili ta' logħob li qas biss ippruvajt, bħal pereżempju logħob li jużaw ħafna sistemi.

Naħseb ikun aħjar jekk nitjieb fil-promozzjoni tal-logħob biex aktar nies isiru jafu bihom. Issoltu, naħdem fuq il-logħob, ntellagħhom fuq itch.io, nikteb post fuq il-midja soċjali għal min isegwini, u dak kollox. Dan ifisser li n-nies ma tantx jafu bija u bil-logħob tiegħi. Pereżempju, qatt m'użajt il-funzjonalità tad-devlog fuq itch.io biex navża lil min isegwini hemmhekk li ħriġt logħob ġodda. Hemm bosta affarijiet oħra li nista' nagħmel biex nitjieb fil-qasam tal-promozzjonar, għandi bżonn biss nipprova metodu u nara jekk jaħdimx għalija.

Għalkemm it-traduzzjonijiet bil-Malti huma tajbin biżżejjed, nixtieq ħafna kieku jarahom traduttur professjonali jew qarrej tal-provi biex jaraw li l-lingwa tagħmel sens u li hu eżatt kemm jista' jkun!

Hemm ħafna affarijiet ġodda li kieku nixtieq nagħmel bħala Għar Gremxul jekk jirnexxieli! Nixtieq naħdem fuq proġett flimkien ma' disinjaturi oħra, u nixtieq ukoll naħdem ma' artisti u disinjaturi tat-tfassil! Għandi wkoll ħafna ideat għal proġetti li nixtieq naħdem fuqhom, kemm kbar kif ukoll żgħar, u nixtieq naħdem fuq logħba diġitali xi darba! Nixtieq ukoll naħdem fuq ktieb fiżikali, bħal pereżempju faxxiklu, ġabra ta' logħob liriċi, antoloġija ta' logħob, jew forsi logħba kbira.

Fl-aħħar nett, allavolja logħba setgħet tniżżlet ħafna, ma jfissirx li l-logħba popolari (jew li hi logħba tajba!) Rewwixta tinsab b'ħafna ġabriet ta' logħob tal-mejda indipendenti, u tniżżlet fuq l-eluf darba, imma dik mhix garanzija li n-nies qed jilagħbuha! (U dan nafu għax il-verżjoni tal-logħba bil-Malti tniżżlet ħafna aktar milli stennejt li se jkollha)

Konklużjoni

Statistiċi minn Itch.io Statistics wara 5 Snin
Statistiċi minn Itch.io Statistics wara 5 Snin]

Nispera li din ir-retrospettiva fuq dawn l-aħħar 5 snin li ilni nagħmel logħob bħala Għar Gremxul kienet interessanti! Grazzi ħafna lil kull min niżżel u lagħab il-logħob li għamilt, u nispera li tibqgħu ssegwuni.