Wara li rajt il-bloggata ta' Prismatic Wasteland dwar l-appendix N personali ta' kull awtur kreattiv, iddeċidejt li nagħmel bħal ħaddieħor u nesplora xi ftit mill-midja li influenzani biex niddiżinja l-logħob.

Appendiċi N

Imma, l-Appendiċi N x'inhu eżatt?

Fl-ewwel edizzjoni tad-Dungeon Master's Guide ta' Dungeons and Dragons li ħareġ fl-1979, kien hemm taqsima fl-aħħar tal-ktieb bit-titlu "Appendix N: Inspirational and Educational Reading" (Appendiċi N: Qari Ispirattiv u Edukattiv). Din kienet lista ta' awturi varji, serji letterarji, u kotba li Gygax qal li influwenzawh meta ddiżinja l-logħba. Din il-lista ġiet aġġornata meta ħarġu l-ħames edizzjoni tal-Player's Handbook ta' Dungeons and Dragons f'taqsima simili fl-aħħar tal-ktieb bit-titlu "Appendix E: Inspirational Reading" (Appendiċi E: Qari Ispirattiv). Ħafna mill-kotba fil-lista jaqgħu taħt il-ġeneri ta' fantasija stramba, fantasija pulp, u fantaxjenza mis-70ijiet.

Appendiċi E: Qari Ispirattiv, fil-ħames edizzjoni tal-Player's Handbook
Appendiċi E: Qari Ispirattiv, fil-ħames edizzjoni tal-Player's Handbook

Jekk għandek interess titgħallem iżjed dwar l-Appendiċi N jew il-kotba li jissemmew f'dik il-lista, nissuġġerilek taqra l-bloggati fis-serje Adventures in Fiction ta' Goodman Games, kif ukoll il-ktieb ta' Jeffro Johnson Appendix N: The Literary History of Dungeons & Dragons . Tista' taqra wkoll stejjer qosra minn ftit mill-awturi minn din il-lista fl-antoloġija bl-isem Appendix N: The Eldritch Roots of Dungeons and Dragons editjat minn Peter Bebergal.

Allura, kif tidher lista ispirattiva għal Għar Gremxul? X'inhi l-Appendiċi N personali tiegħi?

Xogħol Malti

Ladarba wieħed mill-pilastri ewlenin ta' Għar Gremxul huwa "Logħob ibbażat fuq folklore, storja, u kultura Maltija", naħseb tagħmel sens li diversi kotba Maltin li jaqgħu taħt dawn il-kategoriji jservu bħala influewenza kbira. Peress li dawn il-kotba għandhom suq żgħir (prattikament il-popolazzjon ta' Malta biss, jiġifieri 500,000 ruħ), ħafna minnhom jew m'għadhomx stampati u diffiċli ssibhom għal bejgħ. Barra minn hekk, ħafna mill-kotba fil-lista huma miktubin bil-Malti, u huma inaċċessibbli jekk ma tafx il-lingwa.

Il-Folklor Malti

Munzell kotba ta' ħrejjef Maltin jew dwar il-folklor Malti
Munzell kotba ta' ħrejjef Maltin jew dwar il-folklor Malti

Il-folklor Malti u l-ħrejjef Maltin għalija huma wieħed mill-iktar sorsi ispirattivi qawwijin. Bħal ma semmejt f'bloggata oħra, il-ktieb The Maltese Bestiary ta' Stephan D. Mifsud, ippubblikat minn Merlin Publishers fl-2014, huwa probabbliment l-ikbar sors ispirattiv, u qajjimli interess mill-ġdid fil-folklor, storja, u kultura Maltija. Il-ktieb ta' Mifsud jesplora diversi figuri mostrużi mill-ħrejjef u mitoloġija Maltija, u minn dak iż-żmien l'hawn, Mifsud ħareġ żewġ volumi oħra bl-isem Maltese Mythology fejn jidħol iktar fil-fond fil-mitoloġija Maltija. Jekk int interessat titgħallem iżjed dwar is-suġġett, il-bibliografija fl-aħħar tal-ktieb huwa mitqla deheb bl-ammont ta' sorsi li hemm. Fuq l-istess linja għall-ktieb ta' Mifsud, Mid-Dinja tas-Seħer u tal-Folklor ta' Anton F. Attard, ippubblikat minn A & M Printing Ltd. fl-2002, huwa ktieb għaż-żgħar li ukoll jiddiskrivi ħlejjaq mill-mitoloġija Maltija, waqt li Karattri tal-Fantasija Maltin ta' Ġużi Gatt, ippubblikat minn Midsea Books fl-2023, huwa ktieb dwar ħlejjaq folkloristiċi Maltin irriċerkat bir-reqqa bħall-artiklu kollha tiegħu ippubblikati fuq is-sit Il-Miklem.com.

Punt ieħor importanti ta' ispirazzjoni huwa Ħrejjef Missirijietna ta' Manwel Magri, speċjalment l-edizzjoni miġbura mill-folklorist Ġorġ Mifsud Chircop u ppubblikata mill-Publishers Enterprises Group fl-1994. Magri kien patri, folklorist u arkeoloġista Malti li nduna li diversi elementi mill-folklor Malti kienu qed jgħibu minn quddiem għajnejh, u pprova jiġbor u jiddokumenta kemm seta' qabel ma jisparixxu għal kollox. Sfortunatament, miet qabel il-waqt fi Sfax, it-Tuneżija u minħabba f'hekk, tlifna dekanni ta' xogħol prezzjuż li seta' ħarreġ (u li imnalla komplew folklorista lokali oħra). Waqt li hemm diversi verżjonijiet tal-ġabriet ta' ħrejjef ta' Magri, il-ġabra ta' Mifsud Chircop fil-Ħrejjef Missirijietna żżid iktar kuntest b'diversi artiklu fuq Magri u ħajtu, fuq il-folklor Malti, u fuq l-istruttura tal-ħrejjef innifishom. Ġabriet oħra ta' ħrejjef u leġġendi Maltin huma Folktales of Malta and Gozo ta' Ġużè Cassar Pullicino, ippubblikata mill-Malta University Publishers fl-2000, kif ukoll il-ġabra ta' leġġendi Għawdxin ta' Ġorġ Pisani: Għawdex Joħlom fil-Leġġendi , ippubblikat minn Gozo Press fl-1980, u Mill-Gżira tal-Ħolm - It-tieni ġabra ta' Leġġendi Għawdxin, ippubblikat minn Pubblikazzjonijiet Indipendenza fl-1995.

L-għażla ta' bestjarji lokali rriċerkati bir-reqqa u ħrejjef li jqanqlu l-immaġinazzjoni tgħin lil qarrejja biex jimmaġinaw verżjoni fantastika tal-gżejjer Maltin bis-saħħara, artijiet fil-bogħod, u mostri perikolużi.

Munzell iehħor ta' kotba ta' ħrejjef Maltin jew dwar il-folklor Malti
Munzell iehħor ta' kotba ta' ħrejjef Maltin jew dwar il-folklor Malti

Apparti mill-bestjarji u l-ħrejjef, jispirawni ukoll oqsma diversi mill-ħajja Maltija li sikwit issibhom deskritti fil-kotba dwar folklor lokali. Għal ħarsa ġenerali lejn folklor ta' kuljum, issoltu ndur lejn Studies in Maltese Folklore ta' Ġużè Cassar Pullicino, ippubblikat mill-Università ta' Malta fl-1976, Folklore of an Island ta' Tarċisju Zarb, ippubblikat mill-Publishers Enterprises Group fl-1998, u Il-Kultura Maltija ta' Fiona Mallia, ippubblikat mill-Klabb Kotba Maltin fl-2012. It-tliet kotba jiddiskutu diversi aspetti ta' folklor, bħal pereżempju it-twelid, iż-żwieġ, u l-mewt, kif ukoll il-festi, l-isnajja' u t-transport, biex insemmi xi eżempji. Kotba oħra jiffokaw iżjed fuq suġġetti iktar speċjalizzati, bħal Qwiel u Qaddisin ta' Victor J. Galea, ippubblikat minn Calypso Island Publications fl-1999 li għandu x'jaqsam ma' folklor reliġjuż, The Maltese Islands & the Sea editjat minn Timmy Gambin u ppubblikat minn Midsea Books fl-2015 li jiġbor fih folklor marittimu (fost diversi suġġetti oħra), u Mediċina Popolari ta' l-Imgħoddi fil-Gżejjer Maltin ta' Guido Lanfranco, ppubblikat mill-Klabb Kotba Maltin fl-2001 li jitkellem dwar mediċina folklorista. Għalija, dawn il-kotba jagħtu lemħa lejn x'kienu jemmnu n-nies ta' kuljum, ir-ritwali ta' kuljum, l-ikel li kienu jieklu, u x'kienu jagħmlu għal gost. Bħala Malti, rajta interessanti liem partijiet kienu għadhom fostna, u liem intesew kważi għal kollox.

Il-Lingwa Maltija

Żewġ munzelli kotba ta' dizzjunarji Maltin u kotba dwar il-lingwa Maltija
Żewġ munzelli kotba ta' dizzjunarji Maltin u kotba dwar il-lingwa Maltija

Ħaġa oħra li tinfluenzani, u li forsi mhix daqshekk ovvja f'xogħli, hija l-lingwa Maltija. Nieħu gost nitgħallem iżjed dwar il-kliem: minn fejn jiġu u l-etimoloġija tagħhom, kliem arkajku li m'għadux jintuża', kliem speċifiku u tekniku, u ismijiet ta' postijiet. Wieħed mill-ikbar influenzi huwa d-dizzjunarju Malti ta' 10 volumi ta' Erin Serracino-Inglott Il-Miklem Malti , ippubblikat minn Klabb Kotba Maltin fl-1975, xogħol fenomenali li jipprovdi kemm l-etimoloġija kif ukoll t-tifsira ta' ammont enormi ta' kliem Maltin, inklużi kliem li m'għandhomx jintużaw iżjed.

Fis-sensiela ta' kotba Qiegħda fil-Ponta ta' Lsieni ta' Ġużi Gatt, ippubblikat minn Klabb Kotba Maltin, l-awtur jagħmel eżaminazzjoni lingwistika bir-reqqa ta' għażla ta' suġġetti differenti, bl-istess mod tal-artikli tajbin fuq Il-Miklem.com. Il-Ġrajja Wara l-Kelma ta' Charles Briffa, ippubblikat minn Horizons fl-2018, u Bejn Kliem u Storja ta' Martin Morana, ippubblikat mill-awtur fl-2011 u l-ewwel ktieb f'sensiela ta' tlieta, huma żewġ xogħolijiet enċiklopediċi fejn kull daħla tispjega l-oriġini tal-kelma, sew jekk kelma komuni kif ukoll jekk ma tantx għadha tinstema'. Il-ktieb ta' Morana filfatt huwa biss parti żgħir minn kwalunkwe tifsiriet fuq is-sit Kliem u Storia, u l-awtur jippubblika wkoll artikli riċerkati dwar ħafna suġġetti oħra.

Il-ktieb Ġabra ta' Kliem Malta Mhux Safi ta' Pupull Debattista Borg, ippubblikat minn Dom Communications fl-2013, jagħti ħarsa affaxxinanti lejn kliem Maltin li setgħu jeżistu. Hawnhekk, l-awtur jagħżel kliem li jiġu mit-Taljan jew mill-Ingliż, u minflokhom jagħżel jew joħloq kliem imnisslin mill-Għarbi, peress li l-Malti fl-aħħar mill-aħħar huwa ilsien Semitiku. Waqt li dawn il-kliem żgur mhumiex komuni u ma jintużawx mill-poplu, m'hemm l-ebda raġuni għalfejn ma jistgħux jingħataw ħajja f'logħba.

B'mod simili, nieħu gost inqalleb fil-kotba li għandhom x'jaqsmu mat-toponomastika, bħal pereżempju Place-Names of the Maltese Islands ca. 1300-1800 ta' Godfrey Wettinger, ippubblikat minn Publishers Enterprises Group fl-2000, u l-onomastika, bħal The Surnames of the Maltese Islands ta' Mario Cassar, ippubblikat minn Book Distributors Ltd fl-2003. Ġeneralment jkolli ħafna ideat biex nibni dinja fantastika u nispira ruħi ħafna meta storiku juri minn fejn ġej isem ta' post u jagħti iżjed dettal dwar kif kien il-post fil-passat. Kotba u dizzjunarji fuq suġġetti speċifiċi, bħal pereżempju id- Dizzjunarju ta' Termini Nawtiċi u Tagħrif Marittimu Lokali ta' Joseph Caruana, ippubblikat minn BDL Publishing fl-2018, jniżżlu lista ta' kliem li għalkemm ma jintużawx ta' kuljum, jistgħu jkunu ta' interess jekk jintużaw f'kuntest differenti b'mod fantastiku.

Letteratura Maltija

Nemmen bis-saħħa li l-aħjar mod biex tifhem poplu huwa li taqra l-kotba tagħhom. Sfortunament, għalkemm jien stess ma tantx żammejt magħha din l-idea, xorta waħda hemm għażla ta' kotba li qrajt li jibqgħu f'moħħi.

Il-Baħar Rasu Iebsa ta' Lino Psaila
Il-Baħar Rasu Iebsa ta' Lino Psaila

Ktieb li ndur għalih ta' spiss huwa Il-Baħar Rasu Iebsa ta' Lino Psaila, ippubblikat minn Klabb Kotba Maltin fl-2003 u ppubblikat l-ewwel darba fl-1978. Dan il-ktieb fih ġabra ta' rakkonti orali ta' sajjieda u baħrin vera mis-seklu 19 u 20 li issa jinsabu miktubin. Dawn ir-rakkonti jitkellmu dwar sajjieda li jħabbtu wiċċhom ma' maltempati jew problemi oħra, jiċċelebraw dawk li reġgħu lura Malta qawwijin u sħaħ, u jikkommemoraw dawk li m'għandhomx magħna. Bosta affarijiet laqtuni f'dan il-ktieb; l-użu tad-djalett bejn il-baħrin, l-użu tal-laqam, kif ukoll is-sens ta' disprament li tħoss meta n-nies jintilfu fuq il-baħar b'familthom jistennewhom jaslu lura.

Mill-att ta' fantasija, ħadt gost naqra il-ktieb Ktieb ix-Xwejjaħ ta' Ġorġ Mallia, ippubblikat minn Merlin Publishers fl-2023 u li ħareġ l-ewwel darba fl-1987. Dna il-ktieb jitqies bħala pijunier tal-ġeneru ta' fantasija Maltija, u jien u naqrah, fakkarni ftit fil-ġabra ta' ħrejjef ta' Manwel Manwel imma aġġornat. Waqt li ma tantx hemm ħafna kotba ta' fantasija u fantaxjenza Maltin, dan in-numru jiżdied kull sena!

FL-aħħar, nixtieq insemmi il-ktieb Qawsalla: Antoloġija tal-Letteratura Maltija, antoloġija ta' proża u poeżija Maltija miġbur minn Arnold Cassola, Godwin Degabriele, Manwel Mifsud, Paul Pace, u Arthur Sammut li ġie ppubblikat mill-Università ta' Malta fl-1993. Kellna naqraw biċċiet minnu fl-iskola sekondarja, u minħabba f'hekk, ġejt espost għal ħafna xogħol lokali. Issa li qed nerġa' lura għalih, għandi punt ta' tluq għal diversi xogħlijiet oħra tal-istess kittieba, u kapaċi minn hemm niskopri xogħlijiet ta' kittieba oħra.

Jiena tal-idea li m'għandekx taqra biss kotba fantasija u fantaxjenza, speċjalment jekk qed toħloq logħob ta' dawn il-ġeneri, imma għandek taqra xogħolijiet ta' stili differenti, bħal per eżempju il-fittizju spekulattiv, xogħolijiet mhux fittizji, il-poeżija, u ħafna aktar.

L-Istorja Maltija

Munzell kotba dwar l-istorja ta' Malta
Munzell kotba dwar l-istorja ta' Malta

Ma tantx nista' nagħżel ktieb partikolari dwar l-istorja ta' Malta li nista' ngħid li influenzani f'xogħli. Dan għaliex issoltu ndur għal dawn il-kotba skont fuq xiex inkun qed naħdem. Pereżempju, jekk għandi bżonn naqra iżjed dwar il-perjodu tat-Tieni Gwerra Dinjija f'Malta, naqra kotba ta' storiċi li kitbu dwar dan iż-żmien mill-perspettiva tal-Ingliżi kif ukoll kotba miktubin minn nies li trabbew jew għexu f'dan iż-żmien u l-affarijiet li jiftakru.

Idealment din taħdem bil-kontra, u naqra l-kotba biex jispirawni minflok għall-bżonn. Forsi, din il-ħaġa tinbidel fil-futur, la jkolli iżjed ħin.

Logħob Liriċi

Fil-ħames snin li ili għaddej taħt l-isem ta' Għar Gremxul, rabbejt interess fil-logħob liriċi. Hemm diversi sorsi li nista' nsemmi li żvillupli dan l-interess.

Grapefruit ta' Yoko Ono
Grapefruit ta' Yoko Ono

Iltqajt max-xogħol ta' Pippin Barr l-ewwel darba fl-2011, fejn kull logħba diġitali tkopri idea lirika żgħira u indipendenti. Il-ktieb Grapefruit ta' Yoko Ono, ippubblikat minn Simon & Schuster fis-sena 2000 u ppubblikat l-ewwel darba fl-1964, ukoll introduċieni għall-arti kunċettwali.

Madankollu, ma kontx smajt bil-kunċett ta' logħob liriċi qabel ma' lqajt mat-tweets ta' Nova (magħrufa iktar bħala Idle Cartulary) fuq Twitter, li sfortunament issa ntilfu darba għal dejjem. Il-ħsibijiet tagħha għenuni biex iżjed nifhem x'kienu logħob liriċi u x'setgħu ikunu. Wara li sibt The Government versus the Trees ta' Kris Green, logħba lirika Maltija dwar il-qerda tas-siġar, dħalt iżjed fid-dettal dwar is-suġġett billi qrajt il-kotba Game Poems: Videogame Design as Lyric Practice ta' Jordan Magnuson, ippubblikat minn Amherst College Press fl-2024, u Dual Wield: The Interplay of Poetry and Video Games ta' Jon Stone, ippubblikat minn De Gruyter Oldenbourg fl-2022.

Għamilt sforz biex naqra iktar poeżiji (kemm miktubin mill-Maltin kif ukoll mill-barranin), u qed nipprova nfittex iżjed fuq movimenti artistiċi relatati bħal Fluxus u Art and Language.

Konklużjoni

Xtaqt nikkonkludi b'taqsima minn intervista fuq ir-radju mill-2004 li ħa sehem fiha Dave Arneson. Hemmhekk, qal:

After having read a few thousand books, I really can’t remember which ones I’ve read anymore… So a lot of it is, Yes, I was inspired by…; but where does the inspiration stop and the game design begin? I mean, you’ve got to make changes. You’ve got to do variations. You can be influenced by something you read and don’t even remember reading, because you want to include “oh here is something neat I can incorporate into my world.

Traduzzjoni tiegħi mill-Ingliż:

Issa li qrajt eluf ta' kotba, ma nistax niftakar xi qrajt iżjed. Fejn tieqaf l-ispirazzjoni, u fejn jibda' t-tfassil u d-diżinjar ta' logħba? Xi tibdiliet trid tagħmel, u trid tvarja ftit. Tista' tieħu ispirazzjoni minn xi ħaġa li tkun qrajt u qas tiftakar li tkun qrajt, imma għax tkun trid iżżid xi ħaġa interessajt fid-dinja li se toħloq.

Naħseb li dan japplika ħafna għal kif nagħżel il-kotba li se naqra u x'jispirani. Ħafna mill-kotba li semmejt qabel baqgħu miegħu tul iż-żmien, imma qrajt ħafna aktar kotba li m'għandhom x'jaqsmu xejn ma' Malta li żgur influwenzawni subkonxjament b'xi mod jew ieħor. Fl-aħħar mill-aħħar, l-aħjar mod li sibt huwa li naqra b'mod wiesa' f'diversi ġeneri u stili, minn kittieba differenti ta' sfondi u pajjiżi differenti, u inevitabbilment issib xi ħaġa li tibqa' miegħek.

Nispera li ħadt gost issir taf iżjed dwar l-influwenzi personali tiegħi! Nixtieq nisma' minn għandek dwar minn fejn tispira ruħek inti għal-logħob tiegħek.