X'Għandi fuq l-Ixkafef tal-Kotba?
Din il-bloggata tkompli ma' li ktibt fuq Shelfie. Jekk trid tagħti ħarsa iżjed mill-qrib lejn il-kollezzjoni tiegħi ta' logħob tal-mejda, ibda minn hemm! Hawnhekk, se nitkellem dwar il-bqija tal-kotba li għandi fil-kollezzjoni.

Kif tiddiskrivi l-kollezzjoni tiegħek?
Il-maġġoranza tal-kotba li għandi jitqiesu bħala Melitensia, jiġifieri kotba fuq Malta jew ippubblikati Malta. It-tieni l-ikbar ammont ta' kotba huma l-logħob tal-mejda, li diġa tkellimt ħafna fuqhom fuq il-blog Shelfie. Il-bqija tal-kotba jistgħu jitqiesu jew bħala folklor u mitoloġija, diżinjar ta' logħob, u mixellanja (kwalunkwe ktieb li ma joqgħodx fil-kategoriji li semmejt qabel).
L-istampa ta' qabel ma jurix il-kotba kollha tiegħi, peress li għad għandi ħafna minnhom għand il-ġenituri.
Liem lingwi għandek fil-kollezzjoni?
Peress li jiena Malti, nitkellem kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti, u nqishom it-tnejn bħala lingwi nattivi tiegħi. Ovvjament, l-Ingliż jkopri l-maġġorità tal-kotba tiegħi, imma porzjon sinifikanti tal-kollezzjoni huwa bil-Malti.
Lingwi oħra li huma rappresentati huma t-Taljan u l-Franċiż, li t-tnejn li huma studjajthom u nista' naqrahom. Imbagħad, il-kotba l-oħra li fadal huma miktubin b'taħlita ta' lingwi (issoltu l-Ingliż u lingwa oħra li ma nistax naqra), bħala pereżempju il-Latin, l-Għarbi, il-Ġermaniż, ir-Rumen, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Welsh, u l-Galliku Skoċċiż.
Kif inhi organizzata l-kollezzjoni tiegħek?
Il-kotba Melitensia qsamthom f'bosta kategoriji: folklor, l-istorja, lingwa, l-istorja reġjonali, l-emigrazzjoni, dizzjunarji, arti, arkitettura, eċċ. Hemm ammont sinifiku ta' kotba li huma kbar wisq biex joqogħdu fl-ixkaffa l-propja, allura għandhom xkaffa għalihom. Ħafna mill-kotba irranġajthom skont id-daqs, imma dawk fuq l-istorja irranġajthom ukoll skont il-perjodu ta' żmien biex insibhom iktar malajr. Is-sistema mhix perfetta, imma għadni qed naħdem fuqha.
Il-bqija tal-kotba tiegħi huma mqassmin f'kategoriji mhux daqshekk stretti, imma m'għandhomx iktar ħsieb minn hekk.
Kif inbidlet il-kollezzjoni tiegħek maż-żmien?
Allavolja minn dejjem kelli kotba bil-Malti jien u nikber, il-kilba biex nakkwista iktar kotba bil-Malti hi t-tort ta' l-ktieb The Maltese Bestiary, miktub minn Stephan D. Mifsud u ppubblikat fl-2014 minn Merlin Publishers. Wara li qrajtu u stagħġibt bil-kontenut, ridt nitgħallem iżjed u ħsibt li l-aħjar mod biex nagħmel hekk huwa billi nfittex l-kotba msemmijin fil-bibliografija fuq wara. Dik it-tfittxija hija r-raġuni għala l-kollezzjoni tiegħi ta' kotba hi li hi (u nħossni kuntent ħafna li l-35 referenza mniżżlin fuq il-wara tal-ktieb kollha għandi)!

Ħafna mill-kotba tiegħi huma second hand, iżda minħabba x-xogħol żgħir tal-istampar u d-daqs żgħir tal-udjenża għal kotba Melitensia, nipprova nixtri kotba li għadhom kif ġew ippubblikati jekk nsibhom interessanti u nista' naffordjahom.
Bil-kotba tal-folklor u mitoloġija, meta nsiefer jew jien u nqalleb fil-ħwienet tal-karità, dejjem infittex kotba bil-ħrejjef tal-post jew kotba dwar folklor lokali. Nagħmel hekk għax naħseb li l-ħrejjef jiftħu tieqa fuq l-interessi u l-anzjetà tal-poplu, u għandi kurżità jekk hemmx simili bejn popli differenti. Ħadt l-idea biex nixtri l-ħrejjef minn Zalka Csenge Virág, imma żgur li l-kollezzjoni tagħha aħjar minn tiegħi!
Fl-aħħar nett, il-kotba li għandi dwar id-diżinjar ta' logħob hija minħabba l-isfond akkademiku tiegħi kif ukoll xogħli bħala żvillupatur tal-logħob.
X'inhu l-aktar oġġett prezzjuż fil-kollezzjoni tiegħek, u għala?
Peress li ħafna kotba Maltin għandhom xogħol żgħir tal-istampar bħal ma semmejt qabel, ftit minnhom huma imfittxijin ħafna u diffiċli ssibhom. Hemm uħud mill-kotba li ġew f'idejja għax inzertajt kont furtunat, jew għax iġġilidt għalihom meta jinbiegħu l-affarijiet tad-dar ta' xi ħadd li għadu kif miet. Bosta minn dawn il-kotba ħarġu ftit biss minnhom (bħal 500 jew 1000 kopja biss), allura qegħdin vera għal qalbi!

X'inhi l-iktar parti favorita mill-kollezzjoni?
Minħabba li parti kbira mill-kollezzjoni hija second-hand, ġieli nizerta traċċi tas-sid ta' qabel tal-ktieb. Uħud mill-kotba huma ffirmati u ddedikati, uħud minnhom għandhom tikketti ex libris li jimmarkaw min kien is-sid ta' qabel, uħud minnhom għandhom qtugħ minn gazzetti dwar il-mewt tal-awtur, oħrajn għandhom santi, jew kienu parti minn xi librerija u issa m'għandhomx. Ġieli sibt ittri bejn l-awtur u n-nies! Kull ktieb għandu l-istorja tiegħu.
X'inhu l-ewwel ktieb tal-kollezzjoni?
Jista' jkun li l-ewwel ktieb huwa Ħrejjef Missirijietna ta' Manwel Magri, li xtratu ommi meta kont għadni tifel. Għamel ħafna żmien fuq l-ixkaffa qabel rabbejt l-interess biex naqrah u sirt naf li diġa kellna kopja.
Liem hu l-eqdem ktieb fil-kollezzjoni?
Jekk karti sfużi jgħoddu, għandi karta bit-titlu ta' Inscription Athlantico-Phœnicienne trouvée à Médine, ancienne capitale de l'Isle de Malte l'a 1826, stampata fl-1829. Din il-litografija saret biex turi ġebla li suppost instabet mill-patri Galea fl-Mdina, u li ġiet identifikata minn Grognet de Vassé li qal li kienet miktuba bl-alfabett t'Atlantis. Il-ġebla daret l-Ewropa taħt l-eżaminazzjoni ta' bosta akkademiċi u għorrief li ddeċidew li kienet iffalsifikata. Din il-litografija kienet ispirazzjoni diretta għal-logħba l-aktar riċenti tiegħi, Taħt il-Mewġ, avventura bil-kliem dwar Malta u t-tfittxija għal Atlantis.
Inkella, l-eqdem ktieb fil-kollezzjoni tiegħi huwa The Story of Malta ta' Maturin M. Ballou, ktieb tal-istorja u l-ivjaġġar minn għajnejn Amerikan. Ġie ppubblikat fl-1893 minn Houghton, Mifflin and Co.

Liem hu l-aħħar ktieb li żidt mal-kollezzjoni?
Wieħed mill-aħħar kotba li żidt mal-kollezzjoni huwa dal-ktieb enormi li jismu The International Dictionary of Artists who Painted Malta, miġbur minn Nicholas de Piro. Il-verżjoni li għandi huwa t-tieni edizzjoni li ħareġ fl-2002 mill-Audio Visual Centre.
Riċentament, xtrajt kopja ta' Dice Games Properly Explained ta' Reiner Knizia, li xtrajtu wara li qrajt kitba min-newsletter ta' Skeleton Code Machine fejn tkellem fuq kif tista' tieħu ispirazzjoni mill-futbol int u tiddiżinja l-logħba tal-mejda. Din l-idea safrattant meħuda minn ktieb ieħor ta' Knizia fuq il-logħob.
Ftit ilu, omm il-mara tatni l-ktieb Street Style: Art and Dress in the Time of Caravaggio ta' Elizabeth Currie, ippubblikat fl-2025 minn Reaktion Books. Huwa ktieb storiku dwar l-ilbies tal-Italja tal-perjodu modern bikri, u qed nispera li jservi ta' influwenza għall-proġetti fil-futur.

Liem hu l-iktar ktieb ġdid fil-kollezzjoni?
L-iktar ktieb ġdid Malti li żidt mal-kollezzjon probabbliment huwa Kwadri mill-Istorja, ta' Evarist Bartolo u ppubblikat fl-2026 minn Horizons Publications. Hawnhekk, l-awtur jikteb fuq stejjer żgħar li seħħew tul l-istorja ta' Malta li faċilment jintesew.
Mill-kollezzjoni ta' kotba fuq il-logħob, l-iktar ktieb ġdid li għandi huwa The Game Narrative Kaleidoscope, miġbur minn Jon Ingold u ppubblikat fl-2026 minn inkle studios. Il-ktieb fih sensiela ta' kitbiet interessanti minn nies li jiktbu għal-logħob u kif jaħsbu fuq in-narrativa, u hemm ukoll poddata li tagħmel mal-ktieb.
Fil-qasam tal-folklor u mitoloġija, l-iktar ktieb ġdid wisq probabbli huwa Fairies: A History ta' Francis Young u ppubblikat fl-2026 minn Polity. Dal-aħħar, bdejt ninteressa ruħi fil-fati (bl-Ingliż faeries), forsi għal xi proġett fil-futur, u għandi ġenn naqrah meta jkolli l-ħin.

Fizzjoni jew le?
Ħafna mill-kotba li għandi mhumiex fizzjoni. Hemm diversi raġunijiet; l-ewwel nett, ħafna mill-kotba fizzjoni li għandi għadhom għand il-ġenituri, u t-tieni nett, nippreferi naqra fizzjoni fuq ebook reader għax iktar faċli biex iġġorru miegħek.
Liem ktieb fetaħlek għajnejk b'xi mod, u kif?
Diġa ktibt diversi drabi kemm hu importanti l-ktieb The Maltese Bestiary għal Għar Gremxul, kemm f'dan l-artiklu kif ukoll f'dak ta' qabel fejn ktibt fuq l-Appendiċi N personali tiegħi. Ktibt ukoll kif ħadt ispirazzjoni mill-ktieb _Il-Baħar Rasu Iebsa_ta' Lino Psaila u ppubblikat fl-2003 ta' Klabb Kotba Maltin.
Madankollu, hemm kotba oħra li influwenzawni b'mod simili. The Book of Imaginary Beings ta' Jorge Luis Borges, ippubblikat fl-2002 minn Vintage, huwa ktieb li rrakkomandajtu lil kulħadd u influwenzani b'diversi modi: il-format ta' bestjarju u deskrizzjonijiet ta' annimali u mostri li diffiċli tkun taf jekk humiex vera jew le, flimkien ma' referenzi akkademiċi li ukoll m'intix ċert humiex vera! Qabel ma ndunajt, domt mhux ħażin infittex is-sors oriġinali biex nipprova nitgħallem iżjed dwar annimal partikolari.
Hemm ħafna kotba u awturi oħra li influwenzaw lili u lil xogħoli b'xi mod jew ieħor! Forsi tinkiteb xi bloggata oħra fil-futur.
Hemm xi ktieb li ilek għalih?
Għandi lista twila ta' kotba li ilni nfittex, u ftit minnhom ili nfittixhom kważi 10 snin issa! Eżempju prominenti huwa kotba mis-sensiela Kullana Kulturali, enċiklopedija bil-Malti. Darba minnhom, kelli l-opportunità nixtri sett sħiħ, imma peress li ħassejt li kien għali wisq, ma xtrajtux, imma li tipprova tfittex u tixtri kull ktieb individwalment iktar diffiċli, u naħseb spiċċajt agħar.
L-isbaħ ktieb fil-kollezzjoni?
Għandi xi kotba ppubblikati mill-Folio Society fuq xkafef oħra differenti! Bħala rigal, il-mara tatni kopja tal-Kummiedja Divina ta' Dante, ippubblikata fl-2023 mill-Folio Society, u l-ktieb bellezza.

Qoxra ratba jew qoxra iebsa?
Fejn jista' jkun, nippreferi qoxra iebsa, allavolja l-kotba huma ħafna itqal hekk, u meta kelli nimxi minn appartament għal ieħor batejt!
Għandi wkoll xi komiks u xi faxxikli, kif ukoll xi ġurnali akkademiċi (imma wisq probabbli dawn jgħoddu kollha bħala qoxra ratba).
Kif timmarka l-paġna fil-ktieb? Tuża' markapaġni?
Iva! Dawn ftit milli għandi.

X'għandek fil-kollezzjoni diġitali?
Il-kollezzjoni diġitali tikkonsisti kemm f'kotba fizzjoni kif ukoll kotba li mhumiex. Dawn naqrahom fuq Kindle Paperwhite antikissimu. Għandi wkoll għażla ta' PDFs akkademiċi relatati ma' Malta li jew sibthom mill-università ta' Malta jew minn xi istituzzjoni akkademiku barra minn Malta. Hemm xi awdjokotba wkoll li smajt, imma ili ma nisma' kitba.
Nispera li ħadt gost tieħu dawra mal-ixkafef tal-kotba tiegħi, kemm tal-logħob tal-mejda fuq Shelfie, kif ukoll il-bqija tal-ixkafef f'dan l-artiklu! Tiddejjaqx tibgħatli jekk għandek xi kummenti jew mistqosijiet dwar il-kotba li għandek; ma niddejjaq xejn nitkellem fuqhom!